L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta hija awtorità indipendenti li tat il-liċenzja lil Bank Pilatus skont il-liġi. Qalet dan fi stqarrija wara li
“ħadet nota tar-rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir dwar Pilatus Bank u r-rwol tal-Awtorità.”
Kien spjegat kif l-MFSA tat liċenzja lil Pilatus Bank biex jaġixxi bħala istituzzjoni ta’ kreditu skont it-termini ta’ l-Att dwar il-Kummerċ Bankarju fit-tlieta ta’ Jannar 2014.
“L-applikazzjoni għal-liċenzja kienet ipproċessata u vvalutata f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali applikabbli u skont il-proċeduri li għandha l-Awtorità biex tapprova l-għoti ta’ liċenzja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu,” intqal mill-MFSA.
Saħansitra, saħqet l-awtorità, Pilatus Bank huwa suġġett għar-regoli prudenzjali u superviżorji kif ukoll tal-proċeduri ta’ superviżjoni kontinwa tal-MFSA li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan ħareġ ukoll mill- ispezzjoni li saret għand il-Bank mill-MFSA fl-2015 li diġà ġiet irrappurtata fil-mezzi tax-xandir.
“L-MFSA hija awtorità independenti,” saħqet l-awtorità li kienet qed tireaġixxi fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara li f’Xarabank Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru ta l-liċenzja lil Pilatus Bank. L-MFSA hija mmexxija mill-Professur John Bannister li nħatar fil-kariga mill-Prim Ministri Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Joseph Muscat.