MFPA naqsu milli jaċċertaw ruħhom mir-rebħ tal-VMFA Cisk Championship Pool meta sfaw miżmuma fi draw ta’ 6-6 kontra Birkirkara St Helen’s f’logħba ferm kumbattuta u mimlija gowls.
Il-Malta Football Players Association issa jridu punt wieħed biss mill-aħħar logħba tagħhom kontra Hibernians sabiex iżommu t-titlu li rebħu fl-istaġun li għadda.
Birkirkara St Helen’s kienu tajbin fil-kontrattakki tagħhom tant li rnexxielhom jiskorjaw f’sitt okkażjonijiet. Huma kellhom lil Ayrton Buhagiar awtur ta’ tliet gowls filwaqt li Daniel Cremona u Christian Caruana wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
MFPA irrispondew b’doppjetti ta’ Thomas Paris u Branko Nisevic b’Gareth Sciberras u Roderick Bajada.
Gżira United Veterans kisbu rebħa tajba ta’ 7-2 kontra Hibernians sabiex baqgħu jżommu t-tamiet tagħhom għat-titlu ħajjin.
L-aqwa skorer tal-kampjonat Ian Zammit u Andrew Xuereb skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li David Azzopardi, Dino Cachia u Trevor Cilia wkoll sabu x-xibka.
Il-Pawlisti kellhom lil Mauro Brincat u Ilia Nazarov li naqqsu l-marġni tal-iskor għat-tim tagħhom.
Żurrieq Wolves kisbu rebħa tajba ta’ 7-5 kontra Luxol fl-unika logħba mill-VMFA Challenge Pool.
Iż-Żrieraq f’xi mument kienu qed jitilfu din il-logħba iżda rnexxielhom idawru l-iskor favurihom sabiex kisbu t-tliet punti importanti.
Clarence John Thompson kien protagonist għal Żurrieq Wolves meta skorja hat-trick b’Robert Zammit awtur ta’ doppjetta. Alex Abdilla u awtogowl ta’ Michael Galea għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Luxol kellhom lil Luke Satariano jiskorja tliet gowls b’Beppe Antignolo u Manolito Micallef li żiedu tnejn oħra għat-tim tagħhom.
KLASSIFIKA – VMFA Cisk Championship Pool
MFPA 40, Gżira United Veterans 38, Birkirkara St Helen’s 33, Hibernians 19.
KLASSIFIKA – VMFA Cisk Challenge Pool
Rabat Veterans 23, Luxol 17, Żurrieq Wolves 9