F’isem in-negozji serji u ta’ reputazzjoni tajba, 13-il negozjant ewlieni f’pajjiżna ngħaqdu flimkien f’alleanza ġdida bl-isem ‘Malta ESG Alliance’.
Din hija inizjattiva meħuda mis-settur privat f’pajjiżna sabiex jiġu indirizzati kriterji relatati ma’ dak li għandu x’jaqsam l-ambjent, is-soċjal, u l-governanza fost in-negozji. Dawn il-kriterji huma magħrufa aħjar bit-terminu bl-Ingliż ‘Environmental, Social, and Governance Criteria’ – fil-qosor, ESG.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ġie spjegat li l-għan ta’ dawn in-negozji huwa li jimxu lejn operat fin-negozji rispettivi tagħhom li jirrispetta l-kriterji ESG, iżda mhux biss.
Ġie spjegat li l-ħolqien ta’ din l-alleanza b’saħħitha bejn numru ta’ ġganti lokali fil-qasam tan-negozji, se jara li joħloq eżempju għal negozji oħra kbar, medji, jew żgħar sabiex huma wkoll iħarsu ’l quddiem u jadattaw mar-realtajiet ta’ tibdil fil-mod ta’ kif qed timxi l-ekonomija.
Dwar dan tkellima mal-Perit David Xuereb, li spjega l-ewwel għan ta’ din l-alleanza: li jindirizza l-isfida tad-dekarbonizzazzjoni.
Qal, “Bħala bidu, bħala fokus se jiffukaw fuq id-dekarbonizzazzjoni – jiġifieri llum qed nisimgħu lis-CEOs jitkellmu fuq il-kejl tal-karbonju tagħhom, l-influwenza li għandha fuq l-ambjent, kif qed ikejluh, u kif beħsiebhom inaqqsuh lejn it-target nazzjonali, li huwa n-net zero Carbon sal-2050.”
Xuereb saħaq dwar l-importanza tal-kriterji hekk imsejħa ESG, għax anki dawn se jiddeterminaw mhux biss l-ekonomija ta’ għada iżda wkoll kif jiġi attirat l-investiment.
Qal, “Dawn il-parametri kollha huma l-parametri li, fl-ekonomija tal-futur, se jkunu mkejlin, u anke se jkunu kkunsidrati minn min, pereżempju, irid jinvesti f’pajjiżna. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se tiddependi fuq hekk.”
Pajjiżi differenti madwar id-dinja qed jaħsbu minn issa fuq din il-qalba, u b’hekk l-importanza li Malta tibqa’ kompetittiva f’dan ir-rigward.
Qal, “Importanti li din inkunu qed nagħmluha fil-ħin u fiż-żmien propizju, mill-aktar fis possibli u b’urġenza, għaliex nafu li hemm pajjiżi oħrajn – il-pajjiżi kważi kollha tad-dinja għandhom alleanzi simili li qed jaħdmu qatigħ biex proprju din it-tibdila jagħmluha. Aħna qegħdin f’kompetizzjoni ma’ dawn il-pajjiżi l-oħrajn kollha.”
Intant, fost id-diversi kelliema, indirizzat din il-konferenza l-Ambaxxatriċi Maltija għall-Klima, il-Professur Simone Borg, li ddeskriviet din l-alleanza bħala inizjattiva formidabbli u li se sservi ta’ eżempju għal bosta fil-mixja lejn id-dekarbonizzazzjoni.
Minn naħa tiegħu, Chris Meilak, f’isem EY Malta, qal li din l-alleanza se tħalli l-frott anke fis-suq lokali għax, sabiex jintlaħqu l-kriterji ESG, issa jistgħu jiġu mgħoddija bejn negozji fifferenti prattiki indiviwali f’dan il-qasam.