Waqt is-summit tal-mexxejja tal-MED 9, li se jsir nhar il-Ġimgħa f’pajjiżna, se jkun hawn preżenti żewġ mexxejja ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, sitt Prim Ministri, żewġ Presidenti u Segretarju tal-Istat tal-Unjoni Ewropea.
Preżenti f’Malta għal dan is-summit importanti se jkun hawn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, li t-tnejn li huma se jagħmlu t-tieni żjara f’pajjiżna fir-rwoli rispettivi tagħhom.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, żaret pajjiżna f’Settembru ta’ sentejn ilu meta approvat I-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ pajjiżna, li ġejjin minn fondi Ewropej.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, żar ukoll lil pajjiżna f’Settembru tal-elfejn u għoxrin. F’din il-laqgħa ġew diskussi temi bħal dawk tal-immigrazzjoni, tal-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt.
Qabel Michel ukoll żar pajjiżna bħala Prim Ministru Belġjan, waqt is-summit informali tal-Kunsill Ewropew, li sar fi Frar tal-elfejn u sbatax. Dan waqt li pajjiżna kellu għall-ewwel darba l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
Fost il-mexxejja barranin, li se jattendu f’pajjiżna għas-summit ta’ din il-ġimgħa hemm il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni.
Macron żar pajjiżna f’Ġunju tal-elfejn u dsatax għal-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej fir-reġjun tal-Mediterran. Min-naħa l-oħra, f’Novembru tal-elfejn wieħed u għoxrin, il-Prim Ministru Robert Abela kien attenda għal-laqgħa dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, li saret f’Pariġi, fuq stedina tal-President Franċiż.
Meloni, li saret Prim Ministru tal-Italja sena ilu, se tkun qed iżżur pajjiżna għall-ewwel darba. F’Ġunju li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali ma’ Meloni fejn ġew diskussi temi ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi, fosthom l-enerġija, id-difiża fil-Mediterran u l-migrazzjoni.
Il-bqija tal-mexxejja, li se jkunu fostna, huma l-President Ċiprijott Nikos Christodoulides, il-Prim Ministri Antonio Costa tal-Portugall, Kyriakos Mitsotakis tal-Greċja, Andrej Plenkovic tal-Kroazja u Robert Golob tas-Slovenja.
Magħhom se jkun hemm ukoll is-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Unjoni Ewropea Pascual Ignacio Navarro Rios.