Il-possibbiltà ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ kimiċi magħrufa bħala “forever chemicals” u l-impatt possibbli fuq is-settur tal-manifattura ġew diskussi f’seminar organizzat mill-Malta Enterprise għall-kumpaniji fis-settur.
Dawn il-kimiċi jintużaw f’għadd ta’ prodotti, bħal dawk tal-ħasil, ġkieket tax-xita, prodotti ta’ rtokk u ferm aktar. Fost l-oħrajn, issemmiet riċerka dwar l-impatt ekonomiku fuq kumpaniji, li jużaw tali kimiċi, fejn ġie stmat li dan it-tibdil, impost b’regoli Ewropej, jista’ jaffettwa sa tlieta u sittin fil-mija (63%) tad-dħul tagħhom.
Waqt li n-negozjati u tali deċiżjoni tista’ tieħu s-snin fil-fora Ewropej, intqal kif l-industrija għandha tkun imħejjija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, saħaq fuq l-importanza ta’ prattiċi sostenibbli fl-industrija u li l-Gvern Malti hu kommess li jappoġġja lin-negozji f’din it-tranżizzjoni.