Pajjiżi tal-Punent esprimew rabja għall-fatt li ajruplan li kien qed iġorr attivist tal-Belarussja f’titjira interna fl-Ewropa, ġie sfurzat jinżel fil-Belarussja minflok ikompli għad-destinazzjoni oriġinali tiegħu.
Numru ta’ mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu dak li qed jissejjaħ bħala “ħtif” u li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan iddeskriva bħala “att xokkanti”.
L-ajruplan kien fi triqtu lejn il-Litwanja minn Ateni, imma minflok ġie ordnat jinżel f’Minsk minħabba biża’ li kien hemm bomba abbord.
L-attivist u ġurnalist Roman Protasevich ta’ sitta u għoxrin sena ġie arrestat mal-inżul tiegħu fil-Belarussja.
Il-midja fil-Belarussja qed tirrapporta li l-President Alexander Lukashenko personalment ordna biex dan isir, u eventwalment it-theddida ta’ bomba rriżultat fin-negattiv.