Il-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer, fi tmiem l-ewwel ġurnata tas-summit G20 li qed isir il-Brażil, wiegħed li r-Renju Unit se jkun qed jirdoppja l-appoġġ tiegħu lejn l-Ukrajna. Din l-istqarrija saret hekk kif id-19 ta’ Novembru jimmarka l-elf jum minn mindu r-Russja bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna fl-2022.
Huwa tenna li dawn kienu elf ġurnata ta’ aggressjoni mir-Russja u elf ġurnata ta’ sagrifiċċju mill-Ukrajna. Starmer qal li ma kienx ser jispeċifika dettalji għax inkella jaf ikunu ta’ benefiċċju għall-President Russu Vladimir Putin, iżda qal li l-ewwel priorità tar-Renju Unit hija li jkomplu jappoġġjaw lill-Ukrajna għal kemm hemm bżonn.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron esprima l-istess sentimenti u qal li Franza għandha d-dover li tgħin lill-Ukrajna tirreżisti l-invażjoni għax din kienet gwerra ta’ reżistenza biex tipproteġi t-territorju tagħha. Huwa żied ukoll li t-tibdil fil-kunflitt instigat mill-involviment ta’ truppi mill-Korea Ta’ Fuq m’għandux jiġi sottovalutat.
Il-mexxejja tal-20 ekonomija ewlenija fid-dinja, ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha appelaw għal patt globali biex jiġi abolit il-ġuħ, ikun hemm aktar għajnuna għal Gaża u sabiex jintemmu l-ostilitajiet fil-Lvant Nofsani.
Il-patt jenfasizza s-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra kemm fl-Ukrajna kif ukoll f’Gaża iżda jevita li jattribwixxi t-tort lir-Russja jew lill-Iżrael. Nieqes ukoll hemm d-dettalji dwar kif se jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Apparti n-nuqqas tad-dettalji ta’ implimentazzjoni, ma kienx hemm unanimità bejn il-pajjiżi hekk kif per eżempju l-Arġentina sfidat il-lingwaġġ tal-abbozz inizjali u ma approvatx id-dokument sħiħ.
Id-dokument ma semma’ xejn dwar l-ostaġġi miżmuma mill-Hamas jew it-tbatija f’Iżrael li mhuwiex membru tal-G20 li tikkontrasta mal-pożizzjoni tal-President Amerikan Joe Biden li qabel ma ġiet iffinalizzata d-dikjarazzjoni kien ħeġġeġ lill-mexxejja biex iżidu l-pressjoni fuq il-Hamas sabiex jaċċettaw il-proposti tal-waqfien mill-ġlied.