Aktar minn mitt mexxej dinji wegħdu li se jaħdmu biex tintemm id-deforestazzjoni, jiġifieri l-qtugħ tas-siġar, sas-sena 2030, fl-ewwel ftehim maġġuri li ġie ffirmat waqt is-summit tal-COP26, li qed jiddiskuti t-tibdil fil-klima.
Il-Brażil, li fl-aħħar snin u xhur affaċċja kriżi sħiħa fl-Amażonja, kien fost il-pajjiżi li ffirmaw dan il-ftehim, flimkien ma’ pajjiżi kbar bħar-Russja u l-Indoneżja u anki Malta li għalkemm gżira żgħira, ukoll lesta tagħti sehemha f’dan l-impenn ambizzjuż iżda kruċjali.
Dan il-ftehim jinkludi kważi għoxrin biljun dollaru ta’ fondi pubbliċi u privati.
L-esperti laqgħu dan il-ftehim imma wissew li ftehim simili diġà kien sar fl-elfejn u erbatax u ma ġab l-ebda bidla pożittiva.
Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, li qed jilqa’ din il-konferenza globali, sejjaħ dan il-ftehim bħala “qbil monumentali biex jiġu protetti u restawrati l-foresti”.
Gruppi internazzjonali li jaħdmu favur l-ambjent u biex jipproteġu n-natura, qalu li huma għandhom ikunu fil-qalba tal-isforzi li se jsiru biex dawn il-miri u pjanijiet ambizzjużi, jirnexxu.
Intant, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea ħabbru sħubija globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra metanu sal-elfejn u tletin.
Dan il-pjan ħabbruh il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-President Amerikan, Joe Biden.
Dak li sejħu bħala l-Global Methane Pledge, jara li jnaqqas l-emissjonijiet mill-metanu bi tletin fil-mija meta mqabbel mal-livelli tas-sena l-oħra.
Il-metanu huwa wieħed mill-aktar gassijiet qawwija u responsabbli għal terz tas-sħana annwali kkawżata mill-attivitajiet tal-bniedem.
Aktar minn tmenin pajjiż ħadu sehem f’din l-inizjattiva.
Fl-istess konferenza fi Glasgow, il-fundatur ta’ Amazon, Jeff Bezos qal li l-Fond tal-kumpanija ddedikat lill-ambjent se joffri żewġ biljun dollaru biex jiġu rrestawrati diversi pajsaġġi u ssir trasformazzjoni fis-sistemi tal-ikel. Huwa tkellem dwar il-fraġilità tan-natura.
Intraprendituri bħal Bezos qed jiġi kkritikati li qed jonfqu l-flus biex jivvjaġġaw lejn l-ispazju minflok isolvu l-problemi fuq din id-dinja.
Is-summit tal-COP26 huwa meqjus kruċjali f’mument li hemm bżonn tiġi indirizzata l-kriżi fit-tibdil fil-klima u jiġu evitati r-riperkussjonijiet tat-tisħin globali.