Il-President Amerikan Joe Biden ikkomferma l-attakk mill-Aġenzija Ewlenija għall-Intelliġenza Amerikana, s-CIA, qatel lill-Mexxej tal-al-Qaeda Ayman al-Zawahiri.
Al-Zawahiri inqatel permezz ta’ drone f’operazzjoni kontra t-terroriżmu fil-kapitali tal-Afghanistan, Kabul.
Żewġ missili ġew sparati lejn ir-residenza li kien qiegħed jgħix fiha. Għalkemm fl-istess post kien hemm familjari tat-terrorist, ħadd aktar ma miet kawża ta’ dan l-attakk.
Joe Biden qal li l-Mexxej tal-al-Qaeda kien il-moħħ wara vjoelnza u qtil ta’ diversi ċittadini Amerikani u b’hekk il-qtil tiegħu serva l-ġustizzja.
Al-Zawahiri ħa t-tmun tal-grupp terroristiku wara l-qtil ta’ Osama Bin Laden fl-2011. Flimkien ma’ Bin Laden huwa kien il-moħħ wara l-attakk terroristiku tad-9 ta’ Settembru tal-2001 u kien wieħed mill-aktar terroristi mfittxija mill-Istati Uniti.