Aħbar traġika, xokkanti u surreali.
Hekk kienet deskritta minn ħafna l-mewt ta’ Daniel Damato. Raġel ta’ tlieta u tletin sena mill-Gżira li ħasad lil kulħadd meta bħal sajjetta fil-bnazzi, ħalla din id-dinja.
Il-ġisem bla ħajja tiegħu nstab fil-kamra tal-banju minn waħda mill-qraba, wara li x’aktarx tah attakk tal-qalb.
Xena xokkanti li ra quddiem għajnejh Julian Xriha – ir-raġel ta’ Stephania Xriha. Koppja li ilha ħbieb ma’ Daniel għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena.
Stephania qalet li “Ma nistax naċċettaha qed nipprova nċempel ħa nara jweġibnix.”
Kien it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa u nofs meta ħabib tal-familja ċempel lil Stephania u taha l-aħbar kerha.
Bid-dmugħ f’għajnejha, il-mara qalet li dak il-ħin bdiet tara kollox iswed, u bħalha ħassu żewġha.
Julian qal li “Jien kumbinazzjoni ħriġt mid-dar. Ma nafx ikunx destin jew ikollu jkun minnu imma ħallejt il-mobile id-dar ħriġt mingħajru għax kieku kont nirċievi t-telefonata jien. Kif dħalt id-dar, kif mort lura, il-mara qaltli mitilna Daniel.”
Julian stqarr li ma setax jemmen dak li sema, u mar id-dar ta’ Daniel biex jara b’għajnejh.
Viżibbilment imbikkem qal li ħass emozzjoni ta’ xokk qawwi meta ra lil sieħbu mixħut fil-banju bla ħajja.
Julian spjega kif “Qisek qed tgħix ġo ħolma. Qisek ma tridx temmen. Rajtu, missejtu, bistu. Terġa’ tmur id-dar tgħid imma veru li ġara? Jgħaddulek ħafna flashes minn moħħok, ma taċċettagħhiex. Tkun waħdek tispiċċa thewden u ġġib il-memorji quddiemek. Kemm ħadna pjaċir flimkien, kemm tkellimna flimkien, kemm bkejna flimkien. Imma sfortunatament, dik hi l-ħajja.”
Stephania sostniet li “Hu miet bi tbissima għax sabu rieqed qisu bniedem persuna rieqda bid-daħka li jkollu ssoltu.”
Il-mara spjegat li l-ħbiberija bejniethom bdiet meta Julian u Daniel bdew jaħdmu flimkien.
Xhur biss wara, Julian kellu inċident, li kawża tiegħu spiċċa ġo siġġu tar-roti għal seba’ xhur; u kien Daniel l-ewwel li tfaċċa biex jagħti l-għajnuna.
Perjodu li matulu anki t-tliet uliedhom spiċċaw bnew relazzjoni miegħu, speċjalment iċ-ċkejken Jacob.
Stephania qalet li “L-aħħar baby li kelli jiġifieri kelli naqra kumplikazzjonijiet u ma tantx kienet ġietni tajba infatti peress li anki kien għadu muġugħ ir-raġel kien jiġi jisqili t-tifel iż-żgħir, kont nagħtihulu u jagħtieh il-bottle hu. Kien jiġi d-dar.”
Kitbiet u ritratti li l-qraba u l-ħbieb ta’ Daniel tefgħu fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, urew l-imħabba u r-rispett li kiseb matul ħajtu.
Kien bniedem mimli ħajja, li bit-tbissima tiegħu kien idawwal kull fejn ikun; bi Stephania tgħid li ma kienx jiġġudika lil ħaddieħor.
Stephania qalet li “Dax-xahar ġie għandna qgħadna nitkelmu għax hu l-Fr. Colin tiegħi. Hu jgħidli l-problemi tiegħu, jiena ngħidlu tiegħi. Issa m’għandix ma’ min nitkellem.”
Bil-ħbiberija kompliet tikber matul is-snin, it-tifla ta’ Julian u Stephania ssemmiet għalih – Danielle. Isem li Julian pinġa fuq idu, u għalkemm imnikket b’dak li ġara, bi tbissima qal li dan huwa sinjal li żgur qatt mhu se jinsa lil Daniel.
Julian qal li “Veru kien fih persuna, qalbu tajba, jaqsamha ma’ kulħadd imma mbagħad qisu kelb tal-but. Jinbaħ u mhu xej. Qalbu jagħtihielek, tisraqielu.”