Huwa mbassar li nhar is-Sibt 12 ta’ Awwissu, mistenni jilħaq lill-gżejjer Maltin mewġ għoli żewġ metri. Dan skont First Malta, hekk kif riħ Majjistral mistenni jilħaq Forza 5 / 6.
Għalhekk, is-sit appella biex il-pubbliku jevita bajjiet esposti għal Majjistal filwaqt li dawk li kellhom ippjanat li joħorġu dawra mal-ibħra Maltin b’dgħajsa żgħira joqogħdu attenti f’liema żona jmorru u f’liema ħinijiet.
Dan it-tip ta’ mewġ hu mistenni li jilħaqna s-Sibt hekk kif ir-riħ mistenni jibda’ jżid mill-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu filgħaxija u jikkalma xi ftit mal-ġurnata tal-Ħadd 13 ta’ Awwissu.
Din l-aħbar xejn mhi tajba għal dawk li għal tmiem il-ġimgħa ‘Ta’ Santa Marija’ kellhom ippjanat ġranet twal fuq xi dgħajsa għaċ-ċafċifa u żiffa ta’ fuq il-baħar, għax kif jgħid il-Malti l-baħar żaqqu ratba iżda rasu iebsa.