Artiklu tal-opinjonista Raphael Vassallo fuq il-Maltatoday innota kif Roberta Metsola ddur żugraga dwar l-abort hekk kif fi Brussell tgħid li hi favur imbagħad f’Malta tgħid li hi kontra.
Vassallo nnota wkoll kif dawk li huma kontra l-abort f’pajjiżna, ma lissnux mqar kelma dwar il-pożizzjonijiet żugraga li ħadet Metsola dwar l-istess suġġett.
Bit-titlu ‘Metsola’s abortion miracle’, jingħad li Metsola ffirmat il-Patt tas-Simone Veil imbuttat mill-President Franċiż Emmanuel Macron.
Fi kliem ieħor Metsola iffirmat favur l-abort.
“On this issue the position of the parliament is unambigous and unequicoval and that is also my position.”
Din kienet Roberta Metsola dwar l-abort fi Brussell iżda erbat ijiem qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat intervista lill-istazzjon tal-Knisja u qalet li hi kontra l-abort.
“Il-vot tiegħi huwa ċar. Dejjem kien ċar. Mhux bħal ħaddieħor, bidel u għamel. Iġifieri int dejjem ivvotajt kontra. Għax dak huwa dmir tiegħi u dak huwa li nemmen fih.”
Fl-artiklu ngħad li oħroġ il-għaġeb quddiem dikjarazzjonijiet li Metsola ħadet il-pożizzjoni favur l-abort, il-forzi kontra l-abort f’Malta ma tkellmux dwar dak li għamlet il-President tal-Parlament Ewropew Maltija.
Qal li jew seħħ miraklu u dawn il-forzi ġralhom bħal San Pawl fil-konverżjoni ta’ Damasku meta waqa’ minn fuq iż-żiemel jew inkella meta nixfet il-linka li biha Metsola ffirmat Patt favur l-abort, imbagħad dawk kontra l-abort bdew jitkellmu fuq id-demm tat-trabi mhux imwielda.