L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa ma ffirmawx ittra formali ta’ pressjoni sabiex il-Partit tal-Fidesz immexxi mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán jitkeċċa mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (l-EPP), li fih hemm imsieħeb ukoll il-Partit Nazzjonalista.
Dan ġie żvelat jum wara li l-istess Partit tal-Fidesz ħareġ minn jeddu mill-Partit Popolari Ewropew.
Ittra datata għat-2 ta’ April tal-2020 lill-President tal-EPP Donald Tusk, turi numri numru kbir ta’ firmatarji ta’ delegazzjonijiet fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew biex tinbeda pressjoni fuq il-Partit ta’ Orban biex jitkeċċa mill-EPP.
Dan wara li kien hemm nuqqasijiet serji min-naħa tal-Ungerija fiż-żamma tas-saltna tad-dritt u t-tħaddin tad-demokrazija.
Fil-fatt il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán ħataf l-opportunità mill-pandemija u b’liġi ta’ emerġenza ried jagħti lilu nnifsu iżjed poteri eżekuttivi b’mod indefinit.
Iżda fl-ittra li riedet twassal messaġġ qawwi lill-Ungerija ma hemm imkien il-firem tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa.
Dan qajjem mistoqsijiet kbar dwar il-motivazzjonijiet veri ta’ Roberta Metsola u David Casa fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Dan hekk kif dwar il-kwistjonijiet tas-saltna tad-dritt, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti qed jimxu b’riga differenti ferm ma’ pajjiżi oħra meta mqabbla ma’ Malta fejn ta’ spiss jitkellmu u jħambqu kontra pajjiżhom iżda għall-Ungerija ħarġu għonqhom u ma ffirmawx.
Din mhux l-ewwel darba li ħarġet biċ-ċar din id-diskrepanza hekk kif ftit tax-xhur ilu Roberta Metsola kienet fiċ-ċentru ta’ protesti kbar fil-Bulgarija.
Ċittadini Bulgari ddeskrivew lil Roberta Metsola bħala Mrs. Mafia wara li pruvat tgħaddi emenda meqjusa skanduluża li tgħid li dawk li ċ-ċittadini li pprotestaw fil-Bulgarija huma ffinanzjati mill-mafja.
Il-protesti li kienu għaddejjin dakinhar kontra l-Prim Ministru tal-Bulgarija Boyko Borisov kienu mmotivati minn allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus fuq l-istess Prim Ministru Bulgaru.
Għal dan kollu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien iddefenda l-aġir ta’ Metsola, li tiddefendi lill-Bulgarija iżda mhux lil pajjiżha billi ma kkundanahiex u qal lil Metsola u Casa biex ikomplu jaħdmu.
Il-konvenjenza politika ta’ Metsola kienet anki ġiet innutata f’editorjal tat-Times.