L-Ewro Parlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa astjenew fil-vot finali li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun reat kriminali skont liġi Ewropea.
Kien hemm disgħin Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Popolari Ewropew li astjena.
Fost oħrajn li astjenew ukoll kien hemm Manfred Weber, il-President tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew u li miegħu ħa assistent miegħu lil Simon Busuttil.
Min-naħa l-oħra, l-Ewro Parlamentari Laburisti Alfred Sant, Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer ivvutaw ilkoll favur fil-vot finali biex il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkun reat kriminali.
Minkejja l-astensjonijiet innutati wkoll mis-sit awtorevoli EU Observer, mill-Parlament Ewropew xorta għaddiet talba biex il-Kummissjoni Ewropea tintroduċi leġislazzjoni li tindirizza kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru.
Il-vot fi Strasburgu ttieħed fl-istess jum li l-Kunsill tal-Ewropa ħareġ rapport dwar il-Polonja li fih qal li dan il-pajjiż mhux jagħmel biżżejjed biex jiġġieled il-vjolenza fil-konfront tan-nisa u t-tfajliet.
Ir-rapport talab lill-Gvern Pollakk biex jirriforma l-liġijiet ta’ pajjiżu fejn jidħol abbuż u attakki sesswali.
L-Ewro Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola tħobb taqbeż għall-pajjiżi li fihom ikunu qed imexxu partiti msieħba fil-familja li fiha hemm il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri dik tal-Partit Popolari Ewropew.
Metsola mhux biss kienet qabżet għall-Bulgarija meta kien hemm il-protesti kontra l-Gvern ta’ Boyko Borissov iżda anki kienet qabżet għall-Polonja u vvutat biex ma jsirx rapport fuq dan il-pajjiż dwar is-saltna tad-dritt.
Dan fl-istess ħin li imbagħad fuq Malta ma mxietx bl-istess kejl u kienet infexxet tattakka lil pajjiżna.