L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola beżqet is-sunnara ta’ Bernard Grech wara li dan talabha li tissieħeb miegħu bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista iżda din irrifjutat.
Dan irrappurtawh bi prominenza l-gazzetti ‘The Sunday Times’ u ‘Maltatoday’ li t-tnejn irrapportaw kif għalkemm Bernard Grech qed ikellem lil Metsola u l-Avukat Joe Giglio biex jieħdu post fit-tmexxija tal-Partit huwa ma kellimx lil David Agius u Robert Arrigo biex iwarrbu.
Dan għalkemm diġà beda bil-manuvri sabiex itajjar lill-viċi kapijiet tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia.
It-Times irrapportat kif il-pjan ta’ Grech kien li jmur għand Metsola biex iħajjarha tikkontesta elezzjoni għal Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u b’hekk b’mod awtomatiku jqalfat lil David Agius ’l barra.
Madankollu, fil-pjan tiegħu Bernard Grech malajr sab l-iżbiba għaliex Roberta Metsola xejn ma kienet imħajra tassoċċja ruħha mat-tmexxija ta’ Grech u minflok ippreferiet iżżomm postha fil-Parlament Ewropew. Il-gazzetta kompliet tirrapporta kif uffiċjal tal-partit qrib sew ta’ Grech ikkonferma li Bernard Grech ma kellimx lil David Agius jew Robert Arrigo dwar il-kariga tagħhom, iżda qiegħed jipprova jibgħatilhom messaġġ biex iparpru u jagħmlu l-wiesgħa.
Il-gazzetta Maltatoday irrapportat ukoll kif minn tal-inqas wieħed mill-Viċi Kapijiet diġà stqarr li mhux ser ikun qed iħalli postu sakemm Bernard Grech innifsu ma jagħmiliex ċara li jridu jwarrab.
Ir-rifjut ta’ Metsola li tilqa’ t-talba ta’ Bernard Grech tasal ftit tal-jiem wara li Therese Comodini Cachia wkoll għażlet li tabbandunah, dan tant li mhux ser tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Nazzjonalista.
Dan biex wieħed ma jsemmix l-emoraġija ta’ kandidati ġodda li qed isofri Grech u li kull ma jmur qed ikomplu jirtiraw il-kandidatura tagħhom. Kandidata li rtrat mit-tiġrija qabel saħansitra bdiet kienet Tiffany Abela Wadge. Hija rtirat il-kandidatura tagħha wara li fi spjegat li ħassitha fgatha f’partit deskritt bħala negattiv. Kandidat ieħor Nazzjonalista George Muscat ukoll irriżenja mill-Partit Nazzjonalista u sussegwentament irtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat Nazzjonalista fuq is-sitt distrett.
Dan biex wieħed ma jsemmix l-uġigħ ta’ ras kbira li għandu Bernard Grech biex isib il-volontiera bl-amministrazzjoni Nazzjonalista tinsab għaddejja bi kruċjata sabiex tipprova ssib biżżejjed siġillaturi għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Wara li kienu ħafna li rrifjutaw li jagħmlu dan ix-xogħol volontarju dakinhar tal-elezzjoni, kien irrappurtat li l-Partit spiċċa jhedded lill-kunsilliera tiegħu li min ma jgħinx, kien se jitkeċċa minn Kunsillier u sussegwentament jitilfu l-vot fil-Kunsill Ġenerali.