Is-sorveljanza fuq il-ġurnalisti permezz ta’ ttapjar ta’ telefonati, fost oħrajn, ma tistax tkun ipprojbita għal kollox. Hekk sostniet Roberta Metsola fi Brussell u ġiet irrapportata anke dwar dan li ddikjarat mis-sit awtorevoli Politico.
Din il-pożizzjoni qajmet diskussjoni u kien hemm min argumenta li hemm min hu favur spjunaġġ fuq il-ġurnalisti.
Fost ċerti sezzjonijiet tal-midja, inkluż tal-Partit Nazzjonalista, sar attakk anke fuq Malta bil-għan li titpinġa stampa mhux veritiera fuq pajjiżna. Ewlenin fosthom f’dan l-attakk kien hemm David Casa.
Intqal li Malta flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, fosthom Franza, l-Iżvezja u l-Finlandja, huma favur spjunaġġ tal-ġurnalisti, iżda dan ġie miċħud u mgiddeb minnufih mill-Gvern Malti, li saħaq li Malta hi favur liġi li qiegħda għad-diskussjoni dwar il-libertà tal-istampa u pajjiżna hu kontra l-ispjunaġġ u metodi ta’ sorveljanza fuq il-ġurnalisti.
Intqal biss li dan hu l-każ meta ma jikkompremettiex is-sigurtà nazzjonali.
Fi kliem ieħor, is-sorveljanza mill-awtoritajiet bħall-Pulizija ssir biss f’każ ta’ theddida għall-pajjiż, bħal ngħidu aħna fuq suspett ta’ xi pjan t’attakk terroristiku.
F’dak il-każ, l-awtoritajiet għandhom ikollhom is-setgħa li jissorveljaw is-suspettati wara dawn it-tip t’attivitajiet perikolużi għas-sigurtà tal-pajjiż, irrispettivament humiex ġurnalisti jew le.
Issa wara li fuq din il-pożizzjoni raġunata jidher li ħa jintlaħaq qbil, tal-establishment Nazzjonalista waqfu u dawru d-diska, għax indunaw li l-pożizzjoni raġunata tal-Gvern Malti hi sensibbli u għandha mis-sewwa.
Fuq dan il-qasam pajjiżna ressaq tliet liġijiet għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-Gvern kien aċċetta konsultazzjoni ulterjuri min-naħa tal-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja dwar dawn l-abbozzi li fihom hemm 87% tar-rakkomandazzjoni tal-kumitat imsemmi.
Anke l-Kunsill tal-Ewropa kien iddikjara li dawn l-abbozzi huma pass fid-direzzjoni t-tajba dwar il-libertà tal-midja. Għal kollox stampa differenti minn dik li pprovaw jgħaddu l-forzi tal-establishment li għadhom jiddettaw il-politika ta’ Bernard Grech u tal-Partit Nazzjonalista.