Roberta Metsola hija l-ewwel waħda li rtirat mit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u kollox juri li Bernard Grech se jkun il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li se jtellaq kontra Adrian Delia.
L-ewroparlamentari Nazzjonalista iddikjarat li mhux se tikkontesta għal Kap Nazzjonalista.
Metsola daqqet l-irtirata wara li kienet fost dawk li direttament jew indirettament webblu l-membri tal-Kunsill Ġenerali li setgħu joffru isihom.
Fil-fatt il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kienet qalet lill-kunsilliera li se jtuwhom għażla. Dan sar bil-għan li l-istess kunsilliera jagħżlu elezzjoni u mhux konferma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kif fil-fatt il-biċċa l-kbira tagħhom għamlu.
Issa, ladarba lagħbu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, issa qed idoqqu l-irtirata bil-għan li l-għażla li tingħata lit-tesserati tkun limitata ħafna biex hekk Delia jkollu inqas ċans jirbaħ.
Fil-fatt fuq il-profil tagħha fuq Facebook, Metsola, waħda mill-esponenti ewlenin ta’ Busuttil, qalet li b’aktar minn żewġ kandidati jkompli joħroġ aktar demm, issir aktar ħsara u l-ġrieħi jikbru.
Metsola kienet waħda mid-dsatax-il deputat li sfiduċjat lil Adrian Delia f’laqgħa tal-grupp parlamentari, ix-xahar li għadda.
Fuq Facebook hija kkonfermat li għaddejjin il-laqgħat mill-fazzjoni ta’ kontra Delia, sabiex jaraw minn se joħroġ għal Kap Nazzjonalista bil-għan li jiġi megħlub Delia.
Fil-fatt issa kollox jindika li Bernard Grech, li nqabad minn ONE News jikkonfoffa ma’ Jason Azzopardi f’ħanut tax-xorb, issa se jkun iż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Busuttil li qed tiżen iċ-ċansijiet li tegħleb lil Delia.
Ta’ Busuttil kellhom biċċa uġigħ ta’ ras oħra biex jippruvaw iżommu kwieta lil Therese Comodini Cachia li wara li semmew lilha mal-President biex tkun Kap tal-Oppożizzjoni, din bdiet tibni l-kastelli fl-arja.
Fil-fatt Comodini Cachia pretendiet li tkun hi li tkun il-kandidata tal-fazzjoni ta’ Busuttil u issa qed tħossha bħala lumija magħsura. Issa r-ribelli għarfu li b’kandidat wieħed kontra Delia, se jkollhom iżjed ċans biex jirbħu t-taqbida kontra l-Kap.