Waqt żjara fuq il-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid dalgħodu, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola ntlaqgħet minn rabja ta’ grupp ta’ studenti li akkużawha li hi responsabbli għall-ġenoċidju li qed jitwettaq fil-Medda ta’ Gaza mill-forzi Iżraeljani.
Ħabbar dan il-Moviment Graffitti fuq il-midja soċjali, waqt li Metsola kienet qed tapprofitta ruħha minn okkażjoni oħra għar-ritratti.
Iż-żgħażagħ kienu qed jirreaġixxu għaż-żjara li Metsola għamlet f’Iżrael kważi xahar ilu, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen. Hemmhekk appoġġjaw lil Iżrael u tawh il-barka biex iwettaq dak li jrid f’Gaza, fl-istess ħin li ġew injorati l-liġijiet internazzjonali.
Minn dakinhar, it-tnejn kienu akkużati li ħadu pożizzjoni li qatt ma kellhom jieħdu f’isem l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw, u mingħajr lanqas biss ġabu l-approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet Ewropej u/jew fl-istess ħin tal-istati membri, li fil-maġġoranza.
L-inizjattiva ta’ Metsola wkoll spiċċat ġabet f’baħar ta’ inkwiet lil Von der Leyen, tant li issa qed tiffaċċja vot ta’ sfiduċja fil-konfront tagħha.
Dalgħodu Metsola ntlaqgħet b’għajjat ta’ diversi studenti li ġarrew placards li jgħidu li kienet responsabbli għal ġenoċidju u akkużawha li għandha d-demm fuq idejha ta’ eluf ta’ innoċenti Palestinjani, wara li appoġġjat lil dawk li huma sejħu bħala kriminali tal-gwerra u żbilanċjat ruħha favur Iżrael, waqt li dan b’mod indiskriminat qed jimmassakra lill-Palestinjani.
Aqra aktar