Fuq Twitter il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista, Roberta Metsola qalet li pajjiżna qed ikun dgħajjef ma’ min hu b’saħħtu u b’saħħtu mad-dgħajjef.
Dan b’rabta mal-każ t’uffiċjal fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi li allegatament spara lejn immigrant waqt ir-rewwixta li saret fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda.
Metsola għamlet re-tweet għall-fatt li l-uffiċjal ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u s-sebgħa u għoxrin immigrant mixlija li wettqu ħsarat fiċ-ċentru ta’ detenzjoni u li ħebbew għall-uffiċjali fiċ-ċentru, baqgħu jinżammu arrestati.
Meta s-Sibt l-uffiċjal għas-servizzi fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tressaq il-Qorti, id-difiża qalet li l-klijent tagħha spara minħabba li kien aggredit minn immigrant.
Intqal ukoll kif l-immigrant inkwistjoni kien se jaqbeż fiż-żona privata tal-ajruport.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Bartolo b’diversi kundizzjonijiet fosthom dik ta’ depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000 u li jrid jiffirma fl-għassa tal-Qawra tliet ijiem fil-ġimgħa.
Il-Qorti ordnat lill-imputat biex ma jersaqx lejn iż-żona taċ-ċentru tad-detenzjoni.