Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħarġet u ffirmat dikjarazzjoni li tforni l-missili lill-Ukrajna.
Dan f’dikjarazzjoni li kellha toħroġ mill-Kunsill Ewropew bis-27 stat membru iżda li ġiet imblukkata u minflok ħarġet fost oħrajn minn Metsola għax ma kienx hemm qbil bejn il-Mexxejja Ewropej tal-pajjiżi stati membri.
Rapporti mis-siti awtorevoli Politico u Bloomberg fost oħrajn irrappurtaw dan u qalu kif fost il-pajjiżi li mblukkaw din id-dikjarazzjoni, li għamlitha tagħha Metsola, kien hemm stat membru li huwa newtrali.
Filwaqt li ma ssemmiex isem Malta b’mod espliċitu, pajjiżna hu wieħed mill-ftit pajjiżi newtrali li hemm fl-Unjoni Ewropea. Xi ħaġa li tefgħet dawl fuqha l-MaltaToday li qalet li flimkien mal-Gvern Malti, li ma jaqbilx li jforni armi letali, kien hemm l-Ungerija.
Malta tat għajnuna umanitarja lill-Ukrajna aktar minn darba u għenet familji fosthom dawk tfal li kienu jeħtieġu kura iżda qatt ma aċċettat li tforni armi letali lill-Ukrajna.
Fl-aħħar għajnuna li ngħatat fl-aħħar ġimgħat minn Malta ntbagħtu mine detectors biex l-art fl-Ukrajna tkun sigura.
F’konklużjonijiet ta’ Summits tal-Kunsill Ewropew, fejn jissemmew armi letali għall-Ukrajna, pajjiżna dejjem kellu pożizzjoni konsistenti kontra u jaqbel mal-konklużjonijiet b’kundizzjoni li jkun hemm artikolu kruċjali li jirrispetta n-newtralità mħaddna fil-Kostituzzjoni Maltija u b’hekk pajjiżna ma jforniex armi letali.
Fl-istess waqt Malta kienet ukoll ikkundannat bla riservi u b’mod qawwi l-aggressjoni Russa u titlob lir-Russja biex tirrispetta s-sovranità Ukrena. Dan għamlitu wkoll b’mod konsistenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u anki bil-Presidenza tal-OSCE f’idejha, fejn il-Gvern Malti baqa’ jappella biex ir-Russja tirtira t-truppi tagħha minn fuq it-territorju Ukren. Dan apparti li pajjiżna addotta b’mod sħiħ is-sanzjonijiet kontra r-Russja.
Malta mbuttat ukoll it-triq tad-djalogu u l-paċi u mhux it-triq ta’ direzzjoni militari li qed jimbuttaw figuri fl-Unjoni Ewropea, ewlenin fosthom Roberta Metsola, li fl-aħħar jiem tenniet kemm il-darba li l-Unjoni Ewropea għandha jkollha armata aktar armata sa snienha u li tikkumplimenta l-qawwa tan-NATO.