Id-Deputata Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħadet biss 45 minuta biex kixfet dak li ntqal lilha, b’kunfidenzjalità fil-Parlament Ewropew, waqt seduta speċjali tal-grupp ta’ ħidma fi ħdan il-kumitat għal-libertajiet ċivili LIBE.
Dan il-grupp ta’ ħidma tlaqqa’ l-Erbgħa 11 ta’ Lulju biex jiddiskuti ma’ uffiċjali tal-Europol, tal-FBI u tal-Eurojust flimkien ma’ uffiċjali Maltin u Slovakki, iż-żewġ każijiet ta’ qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia u Jan Kruciak.
Din is-seduta saret bil-bibien magħluqa u l-prassi f’seduti bħal dawn huma li ma joħroġ xejn fuq dak li jkun intqal, peress li f’dawn is-seduti jkunu ngħataw dettalji sensittivi, speċjalment fuq il-każijiet tal-qtil taż-żewġ ġurnalisti.
Fil-fatt hija staqsiet mistoqsijiet politiċi dwar jekk il-pulizija hijiex tinvestiga lil xi persuni politiċi. Hija ngħatat it-tweġiba iżda eżatt kif spiċċat din is-seduta fil-magħluq, f’seduta warajha, hija għamlet referenza fuq dak li ntqal lilha b’kunfidenzjalità.
Jidher iżda li bosta Membri Parlamentari Ewropej, huma urtati b’dan l-aġir, għax teżisti l-biża’ li dan l-aġir jista’ jxekkel l-investigazzjonijiet li għaddejjin.
Il-mistoqsijiet ta’ Roberta Metsola, kienu mistoqsijiet politiċi, b’kuntrarju għall-mistoqsijiet l-oħra li saru, fejn b’ġenwinità wrew interess f’dak li qed isir. Tant hu hekk li l-mistoqsijiet tagħha kienu injorati kemm mill-uffiċjal tal-Europol kif ukoll mill-uffiċjal tal-FBI.
Ovvjament, peress li l-għan ta’ Roberta Metsola huwa li fl-elezzjonijiet li ġejjin hija tipprova tkun eletta, peress li hija kontra l-klikka ta’ Adrian Delia, hija marret mal-ewwel tipproduċi video clip fil-Parlament stess biex tgħid dak li ntqal lilha f’din is-seduta fil-magħluq, bil-għan li forsi jirnexxilha tirbaħ punti politiċi mal-partitarji Nazzjonalisti anke jekk għad-dannu tal-investigazzjonijiet li qed isiru.
Intant uffiċjali tal-Europol u anke Maltin ikkonfermaw li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.