Roberta Metsola ddeċidiet li ma ssirx investigazzjoni fuq MEP Ġermaniż b’allegazzjonijiet dwaru li jgħidu li għen negozjant f’konsulenza li ta għas-somma ta’ miljun ewro, wara li kellu konflitt ta’ interess, għax il-pariri li ta kienu fuq l-istess settur tas-servizzi finanzjarji, li dwaru kien għadu kemm abbozza liġi.
L-aħbar li Metsola għażlet ma tkomplix tmexxi kontra l-MEP tad-Demokristjani fil-Ġermanja, partit imsieħeb fil-Grupp tal-Popolari Ewropej, il-familja tal-Partit Nazzjonalista, ġiet żvelata mis-sit awtorevoli Politico.
Politico qal li, fl-aħħar jiem, saret laqgħa msejħa bħala l-Konferenza tal-Presidenti fil-Parlament Ewropew.
Laqgħa, li tmexxi Metsola, u li fiha jpoġġu wkoll ir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, fosthom anke Manfred Weber, li l-assistent tiegħu hu Simon Busuttil.
F’din il-laqgħa ġie deċiż li ma ssirx investigazzjoni fuq l-MEP Ġermaniż Markus Ferber.
Politico rrapporta li l-laqgħa tant tkun sigrieta li ma jinżammux minuti tagħha u l-Parlament Ewropew ma jikkummentax fuq dak diskuss f’din il-laqgħa, iżda sorsi li tkellmu ma’ Politico qalu li fil-laqgħa ta’ Metsola ngħad li m’għandu jimxi xejn kontra Ferber.
Ferber qed jiġi akkużat li tħallas minn negozjant Olandiż fejn ta pariri fuq bidliet fil-liġi li tolqot lill-banek.
Ferber, li ilu Membru Parlamentari Ewropew għal 30 sena, reġa’ ħiereġ għall-elezzjoni u, skont il-kodiċi tal-etika, minbarra d-dħul tiegħu ta’ MEP u allowances li jirċievi, jista’ jaħdem xogħol ieħor privat.
Dan anke jekk wara l-iskandlu Qatargate, li seħħ taħt għajnejn il-President tal-Parlament Ewropew Metsola, kellhom jidħlu aktar regoli rigorużi.
Membri Parlamentari Ewropej, bħal Ferber, setgħu jagħmlu xogħol privat ieħor waqt li huma deputati ta’ din l-istituzzjoni Ewropea.
Fil-fatt regola proposta li Membri Parlamentari Ewropej, li jaħdmu għal lobby groups ma jitħallewx iżjed jagħmlu dan, ma ġietx milqugħa biex osservaturi jgħidu li fl-operat tal-Parlament Ewropew hemm loop holes qawwija.