Il-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li, metaforikament, f’xogħolha hi titfi n-nar ta’ kuljum.
Hi qalet dan waqt li ġiet intervistata fil-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali fejn tqajjem is-suġġett dwar il-pożizzjonijiet tagħha dwar il-Gwerra fl-Ukrajna u l-konflitt fil-Medda ta’ Gaza.
“Titfi nar hemm, titfi nar ieħor, kuljum dik il-ħaġa.”
President, Parlament Ewropew, Roberta Metsola
F’din l-intervista, Metsola kompliet trewwaħ favur l-investiment fid-difiża, hekk kif sostniet li l-Ewropa m’għandhiex għażla oħra ħlief li tinvesti fl-armamenti.
“L-Ewropa m’għandhiex għażla.”
President, Parlament Ewropew, Roberta Metsola
“Kien hemm pajjiżi li naqqsu ħafna l-ispejjeż marbutin mad-difiża. Illum m’għandhomx għażla ħlief li jżidu dawk l-ispejjeż.”
Fl-intervista, li saret fid-disa’ sular tal-Parlament Ewropew, Metsola attakkat kemm-il darba lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Partit Laburista.
Qalet ukoll li l-kritika fuqha dwar il-pożizzjoni kontroversjali tagħha fuq il-Lvant Nofsani, fejn tkellmet favur Iżrael mal-ewwel iżda mhux fuq dak li seħħ f’Gaza bi qtil ta’ għexieren ta’ eluf ta’ innoċenti Palestinjani, skontha kien immanifatturat mill-Gvern Laburista.
“Jekk hemm dik il-kritika hi waħda li hi immanifatturata mill-Gvern Laburista.”
President, Parlament Ewropew, Roberta Metsola
Dan anke jekk l-Ewroparlamentari qalgħet baraxx ta’ kritika f’għadd ta’ pajjiżi għall-mod kif żbilanċjat ruħha u l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea favur l-armata Iżraeljana fil-konfront tal-Palestinjani.
L-aġir tagħha saħansitra wassal għal diversi protesti f’pajjiżi Ewropej.