Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u Deputat Randolph Debattista u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nnotaw kif il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ma tfaċċatx waqt l-avveniment internazzjonali organizzat f’pajjiżna fuq għaxart ijiem, f’mossa kkalkulata biex ma tidhirx kerha mal-fazzjoni Konservattiva tal-Partit Nazzjonalista.
Debattista enfasizza li dan in-nuqqas tal-President tal-Parlament Ewropew spikka fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride Valletta 2023 il-ġimgħa li għaddiet. Hu qal li dawn kienu suċċess aktar milli ħafna antiċipaw, fejn eluf kbar, inklużi barranin li ġew apposta għall-okkażjoni, faħħru l-organizzazzjoni.
Waqt li qal li qed juża ritratt antik ta’ Metsola, tiddandan b’bandiera tal-Unjoni Ewropea mħallta ma’ dik tal-komunità LGBTIQ+, Debattista rrimarka li Metsola wriet faċċjoliżmu f’dan ir-rigward.
Hu saħaq li “daqskemm idejjaqni l-partiġġjaniżmu, idejjaqni aktar il-faċċjoliżmu. Ma tistax turi wiċċ mod fi Brussell u wiċċ mod ieħor f’Malta. Il-poplu mhuwiex baħnan.”
Hu fil-fatt faħħar anke l-inizjattiva tad-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u u Graziella Attard Previ, li jemmnu fil-kawża u ma jiddejqu qatt joħorġu għonqhom għal persuni LGBTIQ+.
Minkejja dan, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista tenna li l-President tal-Parlament Ewropew sabet ċans u titjira għall-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista tal-Erbgħa, iżda mank ċans wieħed żgħir f’għaxart ijiem taċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride.
Il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Alex Agius Saliba wkoll irrimarka kif il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sabet ħin biex l-Erbgħa tmur tindirizza l-mass meeting partiġġjan tal-Partit Nazzjonalista, iżda kienet wisq impenjata biex is-Sibt li għadda tingħaqad fil-EuroPride.