Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, damet aktar minn 30 ġimgħa biex ħadet passi fil-konfront ta’ deputata tal-istess Parlament Ewropew wara li rċeviet ir-rapport finali dwar każ ta’ fastidju lil tliet assistenti parlamentari.
Irrapporta dan il-ġurnal EU Observer, li nnota li r-regoli interni tal-Parlament Ewropew jistipulaw li l-President m’għandhiex iddum aktar minn sitt ġimgħat biex tagħti deċiżjoni wara Ii tkun irċeviet ir-rapport finali dwar każ partikolari.
Il-ġurnal irrimarka li dan id-dewmien x’aktarx li se jżid l-ansjetà tal-vittmi f’dan il-każ, filwaqt li oħrajn li qed ibatu fis-skiet jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jagħmlu lment fil-futur.
Il-ġurnal irrapporta li kelliem għal Metsola qal li hija ma tistax tikkummenta dwar każijiet individwali, minħabba s-sensittività u l-kunfidenzjalità. Qal ukoll li hija dejjem tara li jitlestew il-proċeduri kolllha meħtieġa u li dan jieħu tul ta’ żmien differenti f’każijiet differenti.
Madankollu, l-EU Observer qal li Metsola ngħatat ir-rapport finali dwar il-każ, li tressaq fil-konfront tal-MPE Spanjola Monica Silvana Gonzales, fis-17 ta’ Ġunju 2022, u Metsola damet sa aktar kmieni din is-sena biex tieħu passi kontrieha. L-MPE tisħaq li hija innoċenti.
Il-ġurnal qal li dan id-dewmien ta’ 30 ġmgħa seħħ wara każ ieħor li kien tressaq kontra Gonzales fis-sajf tal-2021, u dan wassal biex l-assistenti parlamentari li allegatament kienu vittmi tal-fastidju tħallew fi żmien diffiċli għal 18-il xahar sħaħ. Dawk it-18-il xahar setgħu tnaqqsu b’sebgħa kieku Metsola ħadet azzjoni aktar malajr fuq ir-rapport finali li ressqilha l-kumitat intern li jindirizza każijiet ta’ fastidju fil-Parlament Ewropew.