Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Daniel Attard kiteb lill-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea, Emily O’Reilly, u talabha tinvestiga lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Dan kemm dwar l-aħħar każ ta’ konflitt ta’ interess li ġie żvelat din il-ġimgħa kif ukoll dak ta’ nepotiżmu bil-ħatra tar-raġel t’oħtha b’salarju fenomenali l-ġimgħa l-oħra.
Nhar l-Erbgħa, is-sit awtorevoli Politico żvela kif Metsola, li introduċiet regoli dwar konflitti ta’ interess obbligatorji għal kulħadd fil-Parlament Ewropew, rat li hi tkun l-unika eċċezzjoni u dawn ma jkunux japplikaw għaliha nnifisha.
Dan hekk kif sar magħruf ukoll li żewġha, Ukko Metsola, hu wieħed mill-aktar lobbyists b’saħħithom fl-istituzzjonijiet Ewropej u, f’isem l-industrija tal-cruiseliners, igawdi minn privileġġi li oħrajn m’għandhomx.
Dan l-aħħar skandlu mit-tmexxija ta’ Metsola qajjem ukoll agħa internazzjonali, b’diversi istituzzjonijiet jakkużawha bl-ipokrezija u d-double standards grassi tagħha.
Meta daħħlet r-regoli msemmija fil-bidu tas-sena l-oħra, wara li Qatargate, l-akbar skandlu s’issa, heżżeż lill-Parlament Ewropew, Metsola kienet iddikjarat li riedet tibni mill-ġdid il-fiduċja u tikkonferma li l-istituzzjoni hi waħda moderna u miftuħa.
Minkejja dan, sena u disa’ xhur wara, issa sar magħruf li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista eżentat lilha nnifisha kompletament minn kull etika u trasparenza, li wieħed jippretendi minnha.
Fit-talba tiegħu lill-Ombudsman O’Reilly, Dr Daniel Attard ukoll jirreferi għall-każ ta’ nepotiżmu sfaċċat minn Roberta Metsola meta ħatret lir-raġel t’oħtha Matthew Tabone bħala Kap tal-Kabinett tagħha b’salarju ta’ għoxrin elf ewro kull xahar.
AQRA AKTAR: