Roberta Metsola insiet li l-irwol tagħha fil-Parlament Ewropew mhux biex tkisser lil Malta imma biex tirrappreżenta l-aħjar interessi tal-Maltin li poġġewha hemm.
Dan qalu l-opinjonista indipendenti Martin Scicluna fil-ġurnal Times of Malta tal-Erbgħa, f’artiklu bit-titlu ‘Unworthy of election’.
B’diversi referenzi għal kitba tagħha stess, Scicluna juri kif Metsola qed tipprova ssalva ġildha u tgħatti dak li verament għamlet.
L-opinjonista jgħid li ‘Metsola has been trying hard to burnish her image’ u ‘it was an attempt at sophistry and spin to cover up what she has actually been doing as a Maltese MEP to tarnish Malta’s name internationally.’
Scicluna fakkar li Metsola kienet minn ta’ quddiem li talbet għal inkjesta pubblika internazzjonali fuq il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia u l-allegazzjonijiet tagħha ta’ ħasil ta’ flus.
Kienet hi ukoll li, fi kliem Scicluna, involviet ruħha b’mod intimu ma’ David Casa fuq ir-rapport tar-Rule of Law f’pajjiżna.
Intqal ukoll li lejn dawk li jakkużawha li mminat lil Malta internazzjonalment, Metsola qed tgħidilhom li għandhom sens ta’ kburija nazzjonali li huwa falz u mfixkel.
L-opinjonista indipendenti jgħid li Metsola għamlet ħafna akkużi mingħajr ma tipprovdi kwalunkwe forma ta’ evidenza. Żied jgħid li hija għamlet dan fuq il-bażi li aktar ma titfa’ tajn, xi ħaġa se jeħel żgur.
Sostna li Metsola dejjem evitat milli tgħid x’verament kisbet fil-Parlament Ewropew għall-benefiċċju ta’ pajjiżha, u dan għandu jinżamm f’moħħ il-votanti.
Jistqarr li hija ħalliet l-ambizzjoni partiġġjana ttappnilha l-ġudizzju tagħha. Insiet li l-irwol tagħha ma kienx li tipprova tkisser lil pajjiżha imma li tissalvagwardja l-interessi ta’ dawk li eleġġewha u tal-Maltin.
Minkejja li kien hemm kunflitt ta’ interess fi kwistjoni li kienet tikkonċerna lil pajjiżha, hija minn jeddha poġġiet lilha nnifisha f’kumitati li minnhom setgħet timmina r-reputazzjoni ta’ pajjiżha, temm jgħid l-opinjonista indipendenti Martin Scicluna.