Wara li nkixfet minn ġurnal Taljan li kellha kollox lest biex taħtar lir-raġel t’oħtha bħala c-Chief of Staff tagħha, Roberta Metsola ħabbret il-ħatra ta’ persuna differenti f’dan l-irwol.
Dan għamlitu fl-istess ġurnata li l-kelliem tagħha ddefenda b’saħħa l-ħatra ta’ Matthew Tabone bħala Chief of Staff tagħha.
Fil-fatt, Roberta Metsola lestiet għal Matthew Tabone, li hu r-raġel t’oħtha ż-żgħira, kariga li ġġib salarju li jista’ jlaħħaq sa’ €20,000 fix-xahar.
Il-ħatra kienet żvelata mill-ġurnal Taljan ‘Il Foglio’ u meta staqsew lill-kelliem ta’ Metsola dwarha, dan tal-aħħar tgħidx kemm iddefenda l-ħatra billi qal li l-President tal-Parlament Ewropew ma tistax tiddeċiedi min jinnamra ma’ min u kulħadd jista’ jħobb lil min irid.
Iżda, iffaċċjata bi kritika qawwija u mifruxa u saħansitra b’rapporti għand l-Ombudsman Ewropew, Metsola kellha twettaq irtirata u permezz tal-istess kelliem ħabbret li Metsola se taħtar l-Ispanjola Leticia Zuleta de Reales Ansaldo f’dan l-irwol.