Dritt ta’ risposta maħruġ mill-uffiċċju ta’ Roberta Metsola fejn ġie miċħud rapportaġġ fil-gazzetta influwenti Taljana Il Fatto Quotidiano, ġie mgiddeb kompletament.
Il-gazzetta nhar it-Tlieta li għadda żvelat kif €133 miljun tqassmu lill-midja fl-Unjoni Ewropea fl-istess sena tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Waqt li fil-ħarġa tagħha tal-Ħamis ippubblikat it-tweġiba tal-President tal-Parlament Ewropew, fejn ingħad li ċ-ċifra hi minfuħa u attribwita lill-istess Metsola b’qerq, il-gazzetta Taljana giddbet dan kollu u kkonfermat mill-ġdid ir-rapport oriġinali tagħha.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14112636/WhatsApp-Image-2025-02-14-at-11.23.20-AM-1024x747.jpeg)
Tweġiba simili mill-uffiċċju ta’ Metsola wkoll intbagħtet lil ONE News, wara li t-Tlieta stess konna rriproduċejna r-rapport fil-midja Taljana.
Fl-artiklu oriġinali, Il Fatto Quotidiano kienet qalet li, fit-tqassim ta’ dawn il-miljuni kbar ta’ ewro, kien intuża metodu amministrattiv partikolari li jippermetti li tinżamm is-segretezza ta’ tali pagamenti u min kien qed igawda minnhom.
ONE News irrapporta wkoll kif mhux magħruf jekk kienx hemm xi midja f’pajjiżna li bbenefikaw minn dawn il-fondi kkordinati minn Metsola.
Minkejja dan, hu fatt magħruf kif l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, li kienet saħansitra rrifjutat li tieħu sehem f’dibattiti f’dik il-kampanja elettorali, kellha reklami mħallsin f’pajjiżna biex jonfħuha u fihom saħansitra ppreżentat lilha nnifisha bħala “l-unika tama għall-Ewropa”.
Il-ġurnal Taljan kompla li dan hu imbarazzanti meta jitqies li l-gazzetti u l-midja suppost għandhom jaraw kif l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni Ewropea jonfqu l-flus taċ-ċittadini li jikkontribwixxu permezz tat-taxxi u mhux jiġu ffinanzjati minnhom stess.
Issa, f’nota editorjali anness mat-tweġiba tal-uffiċċju ta’ Metsola, il-gazzetta Taljana qalet li dak li ngħad mill-President tal-Parlament Ewropew hu mgiddeb minn provi dokumentati.
Dawn jinkludu imejls bejn il-gazzetta u l-uffiċċju ta’ Metsola, li ntbagħatu bejn April u Novembru tas-sena l-oħra lill-kelliem tagħha u lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew magħżul minnha stess, Alessandro Chiocchetti, fost l-oħrajn.
Minbarra hekk, Il Fatto Quotidiano saħqet li t-tweġiba tal-uffiċċju ta’ Metsola tikkonferma l-kuntratt sigriet mal-aġenzija privata ta’ reklamar Havas Media France u, għal darb’oħra, tirrifjuta li tagħti kull informazzjoni dwar liema midja bbenefikat minn dawn il-miljuni kbar.
Iżjed minn hekk, il-gazzetta Taljana tenniet li, eżempju surreali li ta l-uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew fl-istess dritt ta’ risposta dwar ħlasijiet fuq perjodu ta’ xi tliet xhur fl-2023, ukoll jiġi mgiddeb minn dikjarazzjoni li ngħatat lilha f’Marzu tal-2024.
F’dik id-dikjarazzjoni kien ingħad li l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew “qed jivvaluta sħubijiet oħrajn ma’ aġenziji tar-reklamar u se jara kif jiffinanzja l-promozzjoni bl-aktar mod wiesa’ tal-messaġġi fuq il-midja.”
In-nota editorjali tal-gazzetta temmet tistaqsi jekk dan hux il-mument li jiġi eliminat kull ħabi u anke dubji serji dwar kif qed isiru ħlasijiet mill-Unjoni Ewropea lil organizzazzjonijiet tal-midja.