Fil-Greċja feġġet kontroversja sħiħa wara li kien żvelat skandlu fejn is-servizzi tal-istat kienu qed jispijjaw fuq il-mexxej ta’ partit fl-oppożizzjoni, Nikos Androulakis. Jirriżulta wkoll li l-istess servizzi tal-istat spijjaw fuq xi ġurnalisti.
Jirriżulta li l-Kummissjoni Ewropea diġa’ kitbet lill-gvern Grieg madwar ġimagħtejn ilu biex jagħti l-ispjegazzjonijiet tiegħu għal dak li ġara, iżda membri tal-parlament ewropew, fosthom il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi (S&D), qed jistaqsu għaliex dan is-skiet kollu mill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.
Metsola mhux l-ewwel darba li kienet ikkritikata internazzjonalment għax meta l-kontroversja tkun tmiss politiċi mill-familja politika tagħha taqa’ fil-muta.
Iraxte Garcia Perez, il-President tal-S&D, kitbet lil Metsola u qatilha li għandna tiddefendi l-prinċipji demokratiċi. Talbitha biex fl-irwol tagħha wkoll titlob investigazzjoni sħiħa u saħqet li dak li ġara fil-Greċja m’hemmx dubju li hu ksur ċar tas-saltna tad-dritt.
“Jiddispjaċini li l-President tal-Parlament Ewropew baqgħet siekta,” qalet l-MEP Spanjola.
Il-Prim Ministru tal-Greċja Kyriakos Mitsotakis ammetta li kien hemm spjunaġġ fuq il-kap tal-Pasok Androulakis, li huwa wkoll membru tal-parlament ewropew. Fl-istess ħin ċaħad li kellu xi tagħrif dwar dan. Eventwalment id-direttur tal-aġenzija responsabbli rriżenja mill-kariga u l-istess il-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru.
Iżda, l-każ mhux mistenni jieqaf hawn hekk kif dwar dan l-iskandlu mistenni tintalab diskussjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.