Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, użat ir-riżorsi li għandha fi Brussell biex tipprova tirribatti rapport f’ONE News u nkixfet li dan it-tentattiv għamlitu biss ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, anke jekk din ikkwotat minn sorsi internazzjonali.
Dan wara storja minn ONE News fejn fiha ġiet ikkwotata analiżi dettaljata mis-sit tal-organizzazzjoni Transparency International f’għeluq is-sena mindu faqqa’ l-iskandlu Qatargate.
Transparency International irrapportat li, minkejja l-ħafna kliem sabiħ ta’ Metsola sena ilu u l-wegħdi li l-Parlament Ewropew se jkun iżjed trasparenti u kontabbli, l-impunità baqgħet tirrenja f’din l-istituzzjoni Ewropea li hi mmexxija minnha stess.
Din l-analiżi wriet kif il-wegħdi ta’ Roberta Metsola meta faqqa’ l-iskandlu, ma kienu xejn għajr kliem sabiħ u li saret fi sfond ta’ chats żvelati bejnha u dik li kienet il-Viċi-President tagħha Eva Kaili, li tinsab fiċ-ċentru tal-investigazzjonijiet ta’ Qatargate.
Iċ-chats, li nħarġu wkoll mill-ġurnal Taljan Domani, urew il-qrubija bejn iż-żewġ politiċi u kif fuq l-aġenda kien hemm il-kwistjoni tal-visa għaċ-ċittadini tal-Qatar biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea.
Iżda hekk kif ONE News ikkwota din l-analiżi dettaljata, Metsola nqarset sew u tat struzzjonijiet lill-uffiċċju tal-midja tal-Parlament Ewropew biex issikket lil din il-kamra tal-aħbarijiet u tipprova tiskredita dak li ġie rrapportat.
Fil-fatt, ftit jiem wara li ONE News ippubblika l-istorja bbażata fuq il-fatti li rrapportaw Transparency International u siti oħrajn, fosthom dawk Taljani, din il-kamra tal-aħbarijiet irċeviet dritt ta’ risposta biex il-President tal-Parlament Ewropew tiddetta dak li jingħad dwarha.
Madankollu, ONE News għamel kuntatt mal-istess Transparency International biex jara jekk Metsola mxietx bl-istess mod mas-sit awtorevoli li wettaq l-analiżi fl-ewwel lok.
Dan, iżda, ma kienx il-każ u Transparency International ma rċeviet l-ebda dritt ta’ risposta, kif sar ma’ ONE News.
Minflok, il-President tal-Parlament Ewropew għażlet li tuża l-pożizzjoni tagħha biex tipprova twassal messaġġ differenti f’Malta fejn ftit xhur oħra se tiġi bżonn il-voti tal-elettorat.
Il-pressjoni fuq Metsola fl-aħħar jiem kompliet tiżdied dan hekk kif anke l-ġurnal Taljan Domani sostna li Kaili setgħet taħdem fuq il-Qatar u r-reġjun bil-barka tal-President tal-Parlament Ewropew innifisha.
Jidher li ta’ din id-delega, Kaili kienet grata u stiednet lil Metsola f’Ateni. Fil-messaġġi ta’ Whatsapp, Kaili qalet lil Metsola li se tagħtiha d-dettalji tal-vjaġġ għal Ateni, b’Metsola twieġeb li kellha ħerqa li jasal iż-żmien.
Minkejja li Metsola dlonk wieġbet u qaltilha li se jkunu sitta u żewġ uffiċjali tas-sigurtà, issa fid-dritt ta’ risposta, li ntbagħat lil ONE News, jingħad li dan mhux minnu.
Hu fatt magħruf li l-President tal-Parlament Ewropew hi konxja ħafna għall-mod kif tidher fil-pubbliku u l-perċezzjoni dwarha, tant li mhux darba jew tnejn li daħħlet f’baħar ta’ inkwiet minħabba f’hekk, inkluż bil-pożizzjoni unilaterali li ħadet dwar il-Gwerra fil-Lvant Nofsani.
Madankollu jkompli joħroġ kif il-President tal-Parlament Ewropew qed tkun selettiva fuq min teżerċita l-pressjoni tagħha. Dan bħalma kienet selettiva meta għażlet li ma tweġibx lill-ġurnalisti b’rabta mal-appoġġ li tat lill-armata Iżraeljana fil-konflitt f’Gaza u spiċċat akkużata b’ġenoċidju ta’ Palestinjani innoċenti.
Meta ftit wara kienet żaret l-MCAST f’Raħal Ġdid, Metsola mhux biss intlaqgħet minn protesta spontanja minn grupp ta’ żgħażagħ, iżda spiċċat taħrab bil-vettura minn garaxx taħt l-art biex tevita lill-ġurnalisti li kienu qed jistennewha fil-bieb prinċipali.