Roberta Metsola ma ddefendietx l-interessi tal-użu tal-Malti f’laqgħat tal-Parlament Ewropew għall-ħames snin oħra.
Fil-fatt il-Bureau tal-Parlament Ewropew, Kumitat li jirregola proċeduri tal-Parlament Ewropew u li fih hemm Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew ivvota favur li jkun hemm eċċezzjoni biex ma jkunx obbligat li jkun hemm interpreti għall-Malti f’laqgħat tal-Parlament Ewropew bħal ngħidu aħna laqgħat tal-Kumitati fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Metsola approvat din l-eċċezzjoni kontra l-lingwa Maltija u dik Irlandiża biex tibqa’ fis-seħħ sa tmiem il-leġislatura tal-Parlament Ewropew li għadha se tibda wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju.
It-Times irrappurtat ukoll li l-Parlament Ewropew li tmexxi Metsola saħaq li huwa impossibbli li jkun hemm interpreti għal Malti fil-laqgħat kollha tal-Parlament Ewropew anki jekk il-il-lingwa Maltija hi ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
F’dikjarazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru rappurtata mit-Times anki wara li Metsola kitbet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intqal li l-President tal-Parlament Ewropew ma għandhiex titfa’ n-nuqqasijiet tagħha fuq il-Gvern wara li kitbet fuq il-kwistjoni tal-interpreti tal-Malti.
Ġie nnutat kif Metsola lanqas hi kapaċi ssolvi kwistjonijiet li jaqgħu taħtha, f’dan il-każ tiddefendi l-lingwa Maltija.
Il-Gvern innota wkoll il-kundizzjonijiet kuntrattwali tax-xogħol offruti mill-Parlament Ewropew lill-interpreti għall-Malti li jistgħu jkunu ta’ sfida biex jinstabu interpreti.
Fil-fatt is-sitwazzjoni hi li interpreti għall-Malti mhux ma jeżistux iżda qed jiġu ingaġġati bħala freelance u mhux jingħataw biżżejjed xogħol mill-Parlament Ewropew.
Dawn il-fatti esponewhom ukoll l-Ewroparlamentari Laburisti li kritikaw l-eċċezzjoni kontra Malta li qablet magħha Metsola, b’Alex Agius Saliba jisħaq kif l-interpreti għal Malti mhux jitqabbdu biex jagħmlu xogħol għal laqgħat tal-Parlament Ewropew u Cyrus Engerer innota kif Metsola fir-responsabbiltà tagħha ma wettqitx bidla favur l-ilsien Malti.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern Malti mbagħad jibqa’ kommess li jieħu inizjattivi li bihom isaħħaħ l-ilsien Malti kemm f’pajjiżna u anki fl-istituzzjonijiet internazzjonali.