Roberta Metsola hija l-kandidat tal-establishment fil-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ta’ kap ġdid minflok Simon Busuttil. Tant hu hekk li diġa’ beda jkun diskuss ftehim ta’ kif Roberta Metsola tista’ tispiċċa fil-Parlament Malti jekk fi żmien li ġej tkun eletta kap.
Fil-fatt dan għandu jsir billi tpartat is-siġġu tal-Parlament Ewropew ma’ dak tal-Parlament Malti u bħalha jagħmel Simon Busuttil li jerġa’ jmur Brussell. Biex isir dan, meta Roberta Metsola ċċedi s-siġġu ta’ MEP jkun hemm ftehim fil-Partit Nazzjonalista li ma jikkontesta ħadd għalih u Simon Busuttil imur Brussell b’co option mill-Partit Nazzjonalista. Minn naħa l-oħra imbagħad ikun hemm ftehim li ħadd ma jikkontesta għas-siġġu ta’ Roberta Metsola u għalhekk postha jieħdu Simon Busuttil.
Naturalment dan hu l-pjan ta’ dawk li fil-Partit Nazzjonalista għandhom l-ikbar kontroll. Dawk li ħadmu biex Simon Busuttil sar kap u issa jridu li jiddeċiedu wkoll min se jsir warajh.
Peró Metsola mhux se tiġri waħedha. Żgur li qed jikkunsidra kollox Claudio Grech li fl-istamperija m’għandux l-appoġġ li għandha Metsola jew saħansitra kandidati oħra. Fil-fatt anke qabel l-elezzjoni ġenerali sab it-tfixkil u dan iddikjarah b’mod indirett fuq facebook meta kien elett. Kiteb li r-riżultat kisbu minkejja t-tfixkil mill-establishment tal-politika tal-passat bis-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li dan hu l-istess establishment li qed jappoġġja lil Roberta Metsola. F’din l-elezzjoni Claudio Grech kien elett mill-ewwel distrett elettorali u jħeġġuh jikkontesta hemm dawk li fl-aħħar snin kienu mwarrba mill-klikka li ħakmet l-istamperija.