Il-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola, inqabdet li kienet ikkopjat parti kbira mit-teżi tagħha, bħala parti mill-istudji fl-2003 biex kienet saret avukata.
Dan ħareġ minn rapport tal-gazzetta influwenti Ġermaniża, Bild, wara li riċerka għaliha sabet li mal-190 parti fit-teżi kien ikkopjat minn xogħol ta’ ħaddieħor.
Ingħad li dan jagħmel kważi nofs it-teżi kollha, inklużi partijiet sħaħ li ttieħdu minn kotba, anke jekk ġie kkwotat ħażin biex ma jidhirx li mhuwiex xogħol oriġinali.
Il-Bild staqsiet lil Metsola nnifsiha dwar dan u waqt li t-teżi kkopjata tagħha kienet biss f’livell ta’ Masters, kelliema għaliha argumentat biss li l-President tal-Parlament Ewropew qatt m’għamlet dottorat.
Il-gazzetta Ġermaniża wkoll talbet ir-reazzjoni tar-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, li, min-naħa l-oħra, tenna li l-ogħla istituzzjoni edukattiva f’pajjiżna se teżamina tali allegazzjonijiet serji, anke jekk kompla li dan mistenni jieħu ftit tal-ġimgħat.
It-teżi ta’ Metsola, dak iż-żmien kunjomha Tedesco Triccas, kienet dwar is-sistema elettorali f’pajjiżi differenti, fosthom dik Maltija.
Dwar dan l-allegat skandlu rrapportat bi prominenza fil-Ġermanja mill-Bild ukoll irreaġixxa d-Deputat Mexxej Laburista u Ewroparlamentari Alex Agius Saliba f’kitba fuq il-midja soċjali.