It-Tnejn li għadda kellu jittieħed il-vot fuq it-tielet viċi president tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew. Iżda, il-vot ma tteħidx. Dan għaliex kif il-Gazzetta kulħadd żvelat nhar il-Ħadd li għadda, l-ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola, baqgħet tippersisti li tressaq isem li hu meqjus mhux aċċettabbli.
Din hi t-tieni darba li l-vot kellu jkun pospost u l-kumitat baqa’ mingħajr it-tielet viċi president tiegħu, li issa ilu nieqes għal diversi xhur minħabba l-ebusija tar-ras ta’ Roberta Metsola.
Fil-bidu tal-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn tħabbar mill-ewwel li l-vot kien se jkun pospost. Dan għax lil Roberta Metsola kienu reġgħu għamluhielha ċara qabel il-laqgħa li dak li trid hi kien se jerġa’ jeħel.
Fil-kumitat dlonk kien hemm min esprima d-diżappunt għall-fatt li d-deċiżjoni kellha terġa’ tkun posposta u insista li din il-kwistjoni tkun fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-koordinaturi tal-gruppi politiċi.
Intatn, il-kandidat ta’ Metsola mhu ħadd għajr l-ewroparlamentari Ungeriż bl-isem ta’ Balazs Hidveghi, Membru li tela’ fisem il-partit ta’ Viktor Orban.
Dan il-partit u l-Gvern immexxi minnu kellhom u għandhom kwistjonijiet kbar marbuta mas-saltna tad-dritt, tant li kien anke sospiż mill-Partit Popolari Ewropew.
Il-gazzetta kulħadd uriet ukoll kif l-ewroparlamentari Ungeriz kien fost dawk li xerrdu xenofobija u diskors razzist.
Iżda, dan id-diskors waqa’ fuq widnejn torox.
F’Settembru, Metsola kienet umiljata pubblikament u wara oġġezzjonijiet kbar saru diskussjonijiet, fil-laqgħa tal-kumitat, mal-koordinaturi tal-gruppi l-oħra u hemm aċċettat li l-vot ikun pospost. Biex minnha kien mistenni li tmur lura fil-grupp u f’isem il-kumitat tikkonvinċi li kellu jkun hemm kandidat ieħor għal din il-kariga.
Iżda, ma ġarax hekk. Roberta Metsola mhux l-ewwel darba li qabżet għal pajjiżi oħra fl-istess ħin li tkun qed tattakka lil Malta. Fost oħrajn iddefendiet lill-Ungerija. Meta kien hemm talba biex isir rapport dwar ir-rule of law fil-Polonja hi ma kinetx ħadet pożizzjoni kontra dan il-pajjiż.