Fi protesta li ġiet organizzata s-Sibt filgħodu mill-Moviment Graffiti, kontra l-ġenoċidju f’Gaza, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, ġiet deskritta bħala “kompliċi”.
Dan minħabba l-mod insensittiv li bih aġġixxiet, u li għalih irċiviet sensiela ta’ kritika, fi żjara li għamlet lill-awtoritajiet Iżraeljani, fejn ħaditilhom b’idejhom u wegħdet li se tagħtihom l-għajnuna.
Andrè Callus, li huwa membru fi ħdan il-Moviment Graffiti, qal li minkejja li l-awtoritajiet Iżraeljani kienu diġa ammettew li kienu se jagħmlu ġenoċidju f’Gaza, hija marret tifirħilhom.“Id-demm tat-tfal f’Gaza, id-demm tal-poplu Palestinjan, huwa fuq idejkom ukoll”, temm jgħid Callus.
Bader Zina, li huwa attivist Palestinjan, li ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar 33 sena, faħħar membri min-naħa tal-Gvern għal mod li bih opponew dan il-ġenoċidju f’Gaza.
Dawk preżenti, mteddu mal-art, b’solidarjeta mal-vittmi f’Gaza, fl-isfond tal-ħoss tal-bombi u l-missili.
Dan filwaqt li appellaw għal Palestina ħielsa.