Waqt li pprova jiddefendi lil martu fil-każ ta’ konflitt ta’ interess li ma ddikjaratx minħabba l-interess kbir li għandu hu fl-industrija tal-cruiseliners, ir-raġel ta’ Roberta Metsola, Ukko, ipprova jagħti x’jifhem li l-President tal-Parlament Ewropew f’aktar minn ħdax-il sena qatt ma ddiskutiet jew ittrattat is-settur marittimu.
Ukko sostna dan mas-sit Politico, li żvela l-iskandlu l-ġdid taħt it-tmexxija ta’ Metsola b’mod prominenti l-Erbgħa li għadda, inkluż fil-verżjoni stampata.
Quddiem din id-dikjazzjoni, ONE News sab li dan assolutament mhux minnu u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista tkellmet diversi drabi fuq is-settur, inkluż f’pajjiżna, f’laqgħat pubbliċi bħal dawk tal-Forum Marittimu Malti, waqt li kellha anke laqgħat ma’ stakeholders qabel l-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
F’Ottubru tas-sena l-oħra, Metsola wkoll kellha laqgħa mal-Kap Eżekuttiv tal-Forum Marittimu Malti, Kevin J. Borg, fi Brussell fejn ġiet diskussa s-sistema l-ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar it-tniġġis fit-trasport bil-baħar, li dwarha żewġha wkoll talab laqgħa mal-Kummissarju responsabbli.
Lejn l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, Metsola kienet ukoll ipparteċipat fi djalogu tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji. L-istess organizzazzjoni tenniet fuq is-sit uffiċjali tagħha li, fost it-temi diskussi, il-President tal-Parlament Ewropew wieġbet mistoqsijiet dwar it-tbaħħir u t-taxxa ambjentali tal-Unjoni Ewropea fuq is-settur.
Għal diversi drabi wkoll, il-President tal-Parlament Ewropew ħadet sehem fil-Malta Maritime Summit, fejn kienet fost il-kelliema ewlenin tiegħu.