L-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola kienet l-unika MEP Maltija li vvutat favur rapport li jista’ jwassal għall-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-vot ittieħed din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. L-armonizazzjoni tat-taxxi tkun ta’ detriment kbir għas-servizzi finanzjarji Maltin. Il-politika flessibbi tal-Gvern Malti dwar it-tassazzjoni qed tressaq lejn Malta operaturi f’dan il-qasam li jammontaw għal 20% tal-ekonomija Maltija.
Il-ħames MEPs Maltin l-oħra ivvutaw kontra dan ir-rapport, li għadda b’maġġoranza kbira. Ir-rapport ġie approvat b’486 favur, 88 kontra u 103 astensjoni.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant enfasizza għala kien qed jivvota kontra dan ir-rapport. Qal li l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni hija ta’ theddida għall-kompetittivita’ tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Unjoni Ewropea.
Sant qal li l-kontroll tal-politika tat-tassazzjoni tal-istati membri hija l-unika għodda li fadlilhom il-pajjiżi fuq il-periferija tal-Ewropa biex jibqgħu flessibbli għal skopijiet kummerċjali.
Metsola iddistakkat ruħha mill-bqija tal-MEPs Maltin f’dan ir-rigward u bil-vot tagħha ħarġet favur pass li jista’ jagħmel biss ħsara lill-ekonomija Maltija.