Roberta Metsola provat tiġġustifika għaliex blokkjat attivist ewlieni mill-Profil ta’ Facebook tagħha. Kienet Lovin Malta s-sors li miegħu tkellem l-uffiċċju ta’ Metsola biex jipprova jiġġustifika jew ibenġel l-aġir tagħha, iżda tard il-Ħamis filgħaxija, kien hemm farsa sħiħa b’artikli li jitilgħu imbagħad jisparixxu.
Wieħed ma jkunx jista’ jgħid jekk dawn l-artikli jkunux onlajn fil-ħin li wieħed qed jaqra dan ir-rapportaġġ, hekk kif l-artikli u posts relatati ilhom jitilgħu imbagħad jitneħħew.
Kollox beda meta Omar Rababah kiteb fuq Facebook li Metsola blokkjatu milli jikkumenta fuq il-profili tagħha. Rababah huwa attivist favur id-drittijiet tal-bniedem u kien kritiku ħafna ta’ Metsola dwar il-pożizzjoni tagħha fuq il-Lvant Nofsani. Pożizzjoni li ġabet kritika mifruxa minn madwar id-dinja. B’ritratt li juri kif ġie ċċensurat milli jikkumenta fuq il-paġna tagħha, Rababah kiteb: “Jew tfaħħarha jew tibblokkjak. Immaġinawha Prim Ministru tal-pajjiż. Jew taqbel magħha jew tibblokkjak.”
Għaddew is-sigħat u Lovin Malta, li fl-aħħar jiem għamlet sforz qawwi biex tiġġustifika l-pożizzjoni ta’ Metsola fuq il-Palestina, tellgħet artiklu “Metsola denies blocking local pro-palestine activist on social media.” Fih intqal li l-uffiċċju ta’ Metsola ċaħad dan u ssemmew skużi, bħal li żball, meta kienu qed jiġu blokkjati Fake Profiles. “It was a mistake or glitch but we checked and he is not blocked,” intqal mill-uffiċċju tagħha. Naturalment, Rababah jaf li kien blokkjat u kiteb dwar dan ukoll.
Din mhux l-ewwel darba li Metsola provat tevita lil min ma jaqbilx magħha. Ftit tal-ġimgħat ilu ħarbet minn taħt l-art fl-MCAST biex tevita studenti li kienu qed jipprotestaw dwar l-aġir tagħha.
Huma wkoll spissi d-drabi fejn l-uffiċċju tagħha jagħmel pressjoni fuq il-midja indipendenti biex jibdel titli li m’għoġbuhiex. Saħansitra kien hemm titli li nbidlu sa tliet darbiet.