Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ma vvutatx f’deċiżjoni kontra l-Polonja f’kumitat tal-Parlament Ewropew li ltaqa’ fil-bidu tal-ġimgħa. Dan għamlitu fl-istess laqgħa li l-istess Metsola kienet qed tifraħ b’riżoluzzjoni separata kontra Malta li hi kienet parti mit-tfassil tagħha. Artiklu li deher fil-gazzetta Kullħadd iżid li din mhix l-ewwel darba li l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qabżet jew ħaslet idejha fi kwistjonijiet kontra pajjiżi oħra, anke jekk imbagħad tat palata lil dawk li kienu qed jattakkaw lil pajjiżha. Saħansitra, iċ-Ċermen tal-kumitat fejn kienet qed issir id-diskussjoni nnota lejn l-aħħar tal-laqgħa kif il-vot fuq il-kwistjoni tal-Polonja u d-diskussjoni dwar Malta kienu xhieda tal-kejl differenti li qed juża dan il-kumitat. Kejl differenti li Roberta Metsola tappoġġja u saħansitra qed tkun protagonista tiegħu.
Dan il-vot kien jitlob biex ma jibdiex jinkiteb rapport b’rabta mar-rule of law fil-Polonja. Bil-proposta kienet ġejja mill-kordinaturi tal-kumitat li Roberta Metsola hi waħda minnhom. Kien hemm 27 li vvutaw favur il-proposta u għalhekk biex ir-rapport dwar il-Polonja ma jsirx. Kien hemm 26 li vvutaw biex ir-rapport isir. Li kieku Metsola mxiet mal-Polonja kif imxiet ma’ Malta, allura kienet tivvota favur li jsir ir-rapport u dan ifisser li kien ikun hemm 27 vot kull naħa. Biex salvaw il-Polonja tal-Partit Popolari Ewropew ingħaqdu mal-ENF, grupp tal-lemin estrem u l-European Conservatist and Reformist (ECR) li hu t-tielet l-ikbar grupp fil-Parlament Ewropew.
Fid-dawl tal-fatt li hi kordinatur tal-EPP fil-kumitat u li fl-istess laqgħa kien hemm rapport tagħha li l-voti dwaru damu jittieħdu mhux ħażin, il-fatt li Metsola ma vvutatx ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna li jsegwu kontinwament il-ħidma fil-Parlament Ewropew. Bħalma ġibed l-attenzjoni l-Partit Nazzjonalista meta fl-2017 vvota biex ma tintbagħatx delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tinvestiga s-sitwazzjoni tar-rule of law u nuqqasijiet oħra fl-Ungerija li ssemmew kemm-il darba Kien fis-6 ta’ Novembru 2017, li l-istess rappreżentanta tal-PN fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili Roberta Metsola vvutat favur riżoluzzjoni biex ma tintbagħatx delegazzjoni ġewwa l-Ungerija biex tkun tista’ tinvestiga s-sitwazzjoni.
Il-vot biex tintbagħat delegazzjoni fl-Ungerija kien ittieħed wara li l-Parlament Ewropew qabel ma’ riżoluzzjoni li tgħid li l-Ungerija fost oħrajn marret kontra d-dritt ta’ stat (rule of law), kontra drittijiet tas-soċjetà ċivili, kontra libertajiet ċivili inkluż LGBTIQ, kontra drittijiet tal-immigranti u kontra l-pluraliżmu fl-universitajiet u edukazzjoni. Filwaqt li l-PN jappoġġja lill-Polonja u l-Ungerija biex ma tintbagħatx delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fuq akkużi gravissimi, appoġġja riżoluzzjonijiet mimlija ineżattezzi fuq Malta. Agħar minn hekk dejjem aċċerta ruħu li f’kull delegazzjoni li tiġi pajjiżna jkollu membru bil-għan li jkun jista’ jinfluwenza l-proċeduri b’mod partiġġjan. Tant li mhux l-ewwel darba qamu dubji kbar u mistoqsijiet anke dwar l-għażla tan-nies li jiltaqgħu magħhom dawn id-delegazzjonijiet.
Quddiem dan kollu l-Partit Laburista dejjem argumenta li l-Partit Nazzjonalista, qiegħed sempliċiment jaħdem kontra Malta għall-vantaġġ partiġġjan tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista u r-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew qed jaqbżu għal pajjiżi oħra imma mhux għal Malta.