Il-każ ta’ frodi minn fondi Ewropej bil-kiri tal-uffiċini fid-Dar Ċentrali mhux l-uniku wieħed li jikser ir-regoli tal-Unjoni Ewropea mill-Membri tal-Partlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista.
Mill-2009 ‘l hawn, ir-regoli tal-Parlament Ewropew jgħidu li l-Membri Parlamentari Ewropej ma jistgħux iħaddmu magħhom persuni li jiġu minnhom.
Iżda meta wieħed iħares lejn il-lista tal-impjegati li tħaddem magħha l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola, isib l-isem ta’ Matthew Tabone mniżżel bħala assistent akkreditat.
Matthew Tabone huwa r-raġel ta’ oħt l-istess Metsola, u b’hekk, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista qed tikser ir-regoli Ewropej.
Assistent akkreditat, bħalma huwa Matthew Tabone, jkun ibbażat f’wieħed mit-tliet postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, iġifieri Brussell, Lussemburgu jew Strasburgu.Ta’ min jinnota li kemm Metsola u kif ukoll Tabone minn dejjem kienu aġevolati mill-Partit Nazzjonalista. It-tnejn li huma kienu jaħdmu Dar Malta fl-istess dipartiment tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni.
Minn hemmhekk, meta Metsola saret Membru Parlamentari Ewropej, it-tnejn li huma mxew direttament lejn il-Parlament Ewropew.
Dan il-każ qed niżvelawh fl-istess jum li Busuttil qal li jekk hu jkun Prim Ministru, mhux se jippermetti li persuni f’karigi pubbliċi jimpjegaw magħhom lil qraba.
Fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni: “ma jitħallewx aktar jimpjegaw magħhom fis-segretarjat jew ministeru, jew bordijiet pubbliċi membri tal-familja li huma viċin tagħhom”. Qal ukoll li “din hija sitwazzjoni ta’ inċest kbir”.
Iżda meta mistoqsi dwar dan Simon Busuttil ħarab għal kollox.
Dwar Metsola ma riedx jitkellem.
Simon Busuttil mhux dwar Metsola biss qiegħed jaħrab. Fl-aħħar jiem irreżista għal kollox li jmur hu għand l-OLAF bl-investigazzjoni dwar il- frodi minn fondi Ewropej u li permezz tagħhom il-partit nazzjonalista daħħal mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Fost dawk li qalu li għandu jkun investigat kien hemm Transparency International li nsistew li għandha tkun l-OLAF li tgħalaq dan il-każ.