Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li fl-iktar mument sensittiv għall-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħadet deċiżjonijiet li komplew jitfgħu dubji fuq il-kredibilità tagħha.
Dan hekk kif sal-lum stess hija ddefendit il-ħatra tar-raġel t’oħtha bħala ċ-Chief of Staff ma’ ġurnal Taljan bl-ikbar mod arroganti, hi kienet kostretta treġġa’ lura din il-ħatra, wara kritika kbira fl-aħħar sigħat.
Il-Partit Laburista qal li l-kritika li kompliet tnaqqar il-kredibbilità ta’ Metsola.
Intqal li din l-aħħar mossa kienet parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet fl-aħħar xhur maħsuba biex jaqdu lil tal-qalba u li saħansitra ġew kritikati minn għaqdiet u s-soċjetà ċivili internazzjonali.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista qal li dawn id-deċiżjonijiet inisslu rabja wkoll għax huma deċiżjonijiet ipokriti ta’ min jgħid mod u jagħmel ieħor.
Il-Partit Laburista qal li tant li dan kollu sar f’mument fejn hi wegħdet li kellha taġixxi biex tibda tneħħi mid-dubju li nħoloq fuq il-Parlament Ewropew bi skandlu kbir ta’ allegata korruzzjoni.
Intqal li b’azzjonitha għamlet il-kontra u rtirat biss għax inkixfet kmieni u ffaċċjat kritika lokali u internazzjonali.
L-istqarrija ntemmet li tant hu hekk li sa dalgħodu hi kienet għadha qed tiddefendi l-ħatra tar-raġel t’oħtha. B’azzjonitha tat raġun lil min qal li fiċ-ċrieki li hi midħla tagħhom hi hemm kultura ta’ impunità.