B’investiment ta’ bejn €5 u €6 miljun, Methode Electronics se tkompli tinvesti f’pajjiżna, biex ittejjeb u tiddiversifika l-prodott u l-kompetittività tagħha.
Investiment, li kif innota l-Prim Ministru Joseph Muscat, se jħares l-ewwel nett lejn is-settur ta’ Printed Circuit Boards.
Investiment li se jġib il-bżonn ta’ kwalità ta’ xogħol għolja, b’faċilitajiet speċjalizzati. B’hekk il-kumpanija tkompli tgħaddi minn dak imsejjaħ low value added, għal high value added.
Dan il-proġett mistenni jitlesta sa Ġunju 2017.
Fiż-żjara qasira fil-kumpless ta’ Methode Electronics, stajna naraw, per eżempju Supercar tal-McLaren, li hija wahda mill-entitajiet li Methode taħdem għalihom – filfatt Methode f’pajjiżna tipproduċi komponenti għal din il-karozza.
Il-Prim Ministru tenna li l-esperjenza ta’ Methode f’pajjiżna hija waħda ta’ suċċess, anke għaliex fl-aħħar snin rat saħansitra titjib fit-turnover u l-bejgħ tagħha.
Dan l-investiment, flimkien ma’ oħrajn li qed isiru f’pajjiżna, tenna Joseph Muscat, huma sinjal li n-negozji huma komdi jagħmlu n-negozju f’pajjiżna.
Hu tenna li r-rapport tal-Caritas jinnota kif ix-xogħol huwa għodda ewlenija biex ikun miġġieled il-faqar, u għaldaqstant: iktar investiment, iktar xoghol, u xoghol ahjar, se jkomplu jghinu biex il-faqar f’pajjizna jitnaqqas.
Minn naha tiegħu, il-Viċi President ta’ Methode, Dr Joseph Elias Khoury innota li din il-kumpanija timpjega mal-1,200 persuna, u tenna li jinsab sodisfatt bl-ambjent u r-riżorsi li Malta qed toffri biex din il-kumpanija tkompli teċċella f’ħidmietha.