Il-Maltija Lana Bowden, omm ta’ 36 sena bi tlett itfal, hi r-rebbieħa tal-kompetizzjoni tas-sbuħija Mrs European Nations Globe għall-elfejn, erbgħa u għoxrin.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-kompetizzjoni għal nisa miżżewġin ta’ bejn is-27 u l-44 sena ttellgħet fil-Greċja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Din kienet l-ewwel darba li Malta rnexxielha tasal s’hawn fil-kompetizzjoni, anke jekk fl-aħħar xhur rebħet it-titlu ta’ Mrs Globe Classique 2024 għal nisa miżżewġin ta’ ’l fuq minn 45 sena, permezz ta’ Hannelle Van Wyk.
Din il-kompetizzjoni Ewropea sservi wkoll bħala preliminari għall-Mrs Globe World Final, li se ssir fiċ-Ċina u ilha tiġi organizzata għal seba’ u għoxrin sena.
Hawn Bowden issa trid tiffaċċja l-kompetizzjoni globali ma’ madwar 80 kontestanta minn pajjiżi minn madwar id-dinja kollha.
Wara li ġimgħa ilu intervistajna lil Lana qabel il-parteċipazzjoni tagħha, erġajna ltqajna magħha u issa tlabniha tispjega din l-esperjenza ta’ suċċess.
“U speċjalment meta żammejt il-bandiera ta’ Malta, f’qalbi ħassejt xi ħaġa li lanqas nista’ nispjega.”
Bowden, li għandha esperjenza twila fl-immudellar, qalet lil ONE li din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajjitha.
Spjegat kif hi mmotivat ruħha li taħdem iżjed bl-idea li turi dak kollu li Malta tista’ toffri lil pajjiżi ferm akbar.
“Nirringrazzja lil min ġie jagħtini is-sapport hemmhekk fil-Greċja, lill-partner tiegħi, xi ħbieb tagħna wkoll, għax is-sala verament faqgħuha jkolli ngħid”.
“Ovvjament issa għandi daqsxejn responsabbiltà akbar u daqsxejn aktar stress, ovvjament għax mhux qed nirrappreżenta lil Malta biss, imma qed nirrappreżenta lill-Ewropa kollha. Nispera, li ovvjament issa nġib unur din id-darba wkoll.”