“Meta tkun traskurat taf tkisser ħajja – kun prudenti fil-baħar.”
Din hija t-tema ewlenija tal-kampanja annwali ta’ Transport Malta favur is-sigurtà fuq il-baħar.
Inizjattiva li għandha l-għan li tenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà ta’ kulħadd, biex ikun jista’ jitgawda l-ħin fuq il-baħar b’mod sigur. Il-kampanja tiffoka fuq baħar aktar sigur għal dawk li għandhom id-dgħajjes, għall-għawwiema, u l-għaddasa.
Fil-fatt, il-kampanja ta’ din is-sena ser tkopri firxa ta’ suġġetti fosthom; l-użu ta’ ġkieket tas-salvataġġ, użu responsabbli tal-mollijieti, avviżi lill-baħħara, użu ta’ fairways, rimi sigur ta’ skart iġġenerat fuq il-baħar, kontroll tal-volum tal-mużika, veloċitajiet u distanzi mill-kosta, żoni għall-għawwiema, użu ta’ alpha flags, tindif tal-bastimenti, u użu ta’ navgational aides.
Din il-kampanja, li ser tkun għaddejja matul l-istaġun tas-sajf sa Settembru, ser tinkludi diversi inizjattivi, avvenimenti u programmi edukattivi li jinvolvu lill-pubbliku filwaqt li tingħata viżibilità s-sigurtà fuq il-baħar.
Qed isir appell ukoll lil dawk li jbaħħru, l-għaddasa u l-għawwiema kollha biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-kampanja billi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-linji gwida tas-sikurezza u jipprattikaw prattiċi sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Kur. Dr Mark Mallia spjega li l-ibħra tagħna huma wieħed mill-akbar teżori ta’ Malta, u hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li niżguraw li jibqgħu siguri u pjaċevoli għal kulħadd.
B’hekk din il-kampanja hija importanti ħafna għaliex tiffoka fuq prattiki ewlenin.
Qal, “Bħala awtorità regolatorja irridu naraw li dak kollhu li jsir fil-baħar isir u isir b’mod sigur. Fil-fatt aħna bħala awtorità se nibqgħu matul is-sajf kollhu nedukaw lin-nies sabiex dak kollhu li qiegħed isir bħala regolamenti, osservazzjonijiet u obbligi jiġu osservati.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett saħaq kif bi mġieba responsabbli, nistgħu nipprevjenu l-inċidenti, nipproteġu l-ambjent tal-baħar tagħna, u niżguraw li kulħadd ikun jista’ jgawdi l-ħin tiegħu fuq il-baħar b’mod sigur.
Stqarr, “Il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. Kampanji edukattivi biex in-nies jimxu mar-regolamenti u jimxu mal-istandards li għadna fuq il-baħar, naħseb li huwa kruċjali għax hekk ma jkollnix bżonn infurzar jekk kulħadd jimxi mal-liġijiet. Aħna nixtiequ li la wasal sajf ieħor, kulħadd igawdi l-ġmiel ta’ baħar li għadna.”