Bħalissa żmien il-kartolini…anke l-Għid opportunità biex wieħed jesprimi gratitudni u jibgħat l-awguri.
Hemm min, però, jabbuża mis-sitwazzjoni. Ftit jiem ilu, s-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima kiteb li rċieva kliem anonimu xejn sabiħ b’risposta għal fuljett bl-awgurju tal-Għid li qassam il-Kunsill.
Grima spjegalna li rċieva l-fuljett lura, b’kitba bl-idejn fuqha tgħidlu li l-fuljett jista’ jżommu.
“Imma dik mhux l-agħar waħda” qalilna.
Irrakkonta kif fil-Milied irċieva dik li minn barra kienet kartolina normali. Iżda minn ġewwa sab ritratti tiegħu u din il-kitba offensiva. Mistoqsi kif irreaġixxa, qal li fil-bidu tbissem, u din it-tip ta’ kitba mhux se żżommu milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu. Għaraf però li dawn il-konkorrenzi jħallu effett fuq dawk qrib min jirċivihom.