Il-ġgant tat-teknoloġija META qablet li tħallas is-somma ta’ 25 miljun dollaru sabiex tissolva tilwima legali li kien fetaħ kontrihom Donald Trump meta kienu ssospendewlu l-kontijiet wara l-irvellijiet li seħħu quddiem il-Capitol fis-6 ta’ Jannar. Dawn il-fondi se jkunu qed jappoġġjaw il-librerija presidenzjali ta’ Trump.
Dan huwa l-aħħar każ fejn korporazzjonijiet kbar qed jippruvaw isolvu d-differenzi tagħhom mal-president tal-Istati Uniti l-ġdid wara li kien hedded tpattija fuq il-kritiċi u r-rivali tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ META, Mark Zuckerberg, riċentament ukoll ingħaqad ma’ kumpaniji kbar oħra tat-teknoloġija sabiex jitħabbeb mal-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Trump. Filfatt, f’Novembru li għadda huwa kien mar iżur lil Trump fil-villa tiegħu fi Florida u waqt l-ikel Trump kien qajjem it-tilwima legali u ssuġġerixxa li għandha tiġi solvuta bejniethom.
META kienet ukoll għamlet donazzjoni ta’ miljun dollaru lill-kumitat inawgurali ta’ Trump u Zuckerberg kien fost diversi biljunarji b’post prominenti waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament flimkien ma’ Sundar Pichai ta’ Google, Jeff Bezos ta’ Amazon u Elon Musk li issa għandu l-pjattaforma X li qabel kienet magħrufa bħala Twitter.