“Il-fiduċja ġġib il-fiduċja, l-appoġġ u s-sostenn iġibu r-riżultati u l-inċentivi jġibu t-tkabbir.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, f’attività politika fl-Imġarr.
F’diskors ċar quddiem folla sabiħa ta’ nies, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li l-Gvern ikompli jaħdem u jinvesti sabiex il-fiduċja tkompli dejjem tiżdied.
“Il-politika progressiva tagħna hija l-unika waħda sostenibbli għaliex meta tati l-fiduċja, dik il-fiduċja tissarraf f’suċċess. Dak huwa l-messaġġ tagħna li ngħaddi lil kulħadd; fiduċja, fiduċja, fiduċja. Aħna ma nitkellmux biss, aħna b’mod konkret inwettqu dawn il-miżuri li jwasslu għat-tkattir ta’ iżjed fiduċja.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fi tmiem ġimgħa impenjattiva, li fiha ltaqa’ ma bosta ażjendi minn kull settur, il-Prim Ministru saħaq kif l-aħħar jiem kienu xhieda ċara tal-importanza li tnissel il-kuraġġ, u mhux il-qtigħ il-qalb.
“Proprju għax aħna realistiċi nemmnu f’pajjiżna, fil-familji u fin-negozji tagħna. Ir-realiżmu żgur ma jfissirx li dejjem tipprova ċċekken lil pajjiżek. Jew li ma jkollokx fiduċja fil-kapaċità ta’ dan il-poplu. U għalhekk se tibqgħu ssibuna nqawulkom qalbkom għax dan pajjiż li għandu ħafna x’joffri. Hu x’inhu s-settur.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-mexxej Laburista semma studju li wera kif in-negozji żgħar u medji f’pajjiżna rrapportaw li s-sena li għaddiet, anke jekk parti minnha kien għad hemm restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, kienet bħal jew iktar b’saħħitha mis-sena ta’ qabel il-pandemija.
“Dawn ir-riżultati jikkonfermaw kemm kien għaqli li mhux għamilna kif qalilna nagħmlu l-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn qal biex il piż terfgħuh inthom għaliex l-għajnuna li qed jagħti l-gver mhux sostenibbli, aħna bil-kontra għidnilhom, il-piż nerfgħuh aħna, l-inkwiet ħalluh għalina bħala gvern għaliex għalhekk tajtuni l-fidċuja biex immexxu, inthom aħdmu ħalli tkomplu ddawru r-rota ekonomika.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li dan wassal biex l-istħarriġ li tagħmel kull xahar il-Kummissjoni Ewropea fost il-familji u n-negozji, wera biċ-ċar kif f’pajjiżna hawn fiduċja ferm aqwa mill-medja Ewropea.
Hawnhekk, Dr Abela semma wkoll kif din il-ġimgħa, il-kabinett approva biex imorru għal proċess Parlamentari, erba’ proġetti mis-settur privat b’investiment ta’ 147 miljun ewro. Proġetti massiċċi li f’erba’ snin se joħolqu 441 impjieg ġdid f’pajjiżna.
“Dawn ir-riżultati niksbuhom għaliex għandna pajjiż u poplu li huwa bieżel, li jħobb ix-xogħol, iħobb jinvesti. Dan pajjiż li għandu fi ħdanu nies illi huma ambizzjużi. L-importanza tal-ambizzjoni f’dak kollu li nagħmlu, li ma nikkuntetnaw qatt bir-riżultati li nkunu ksibna u xogħlna huwa li l-ambizzjoni nħeġġuha u mhux infixkluha.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fi tmiem ġimgħa li kienet ikkaratterizzata minn investiment u ħidma f’Għawdex, żjara mal-anzjani u maż-żgħażagħ, il-Prim Ministru temm id-diskors fl-Imġarr b’messaġġ b’saħħtu u pożittiv.
“Noħolmu għal pajjiż isbaħ u aħjar kif qsamt maż-żgħażagħ tagħna f’kastilja, għal dan kollu ħbieb tiegħi se nibqgħu naħdmu għax għandna fiduċja f’pajjiżna.”
il-Prim Ministru Robert Abela