- ŻGĦAŻAGĦ LI QED JISSODISFAW IL-KILBA GĦALL-KITBA BIL-PROGRAMM TAĦŻIŻ
Kulħadd għandu storja x’jirrakkonta, xi episodju brijuż minn ħajtu, jew anke xi mewġa li bidlitu għalkollox hekk kif ħareġ minnha. Jew sempliċiment hawn min joħlom b’xi karattru f’dinja fittizja u joħloq storja biex iservi bħala mezz ta’ kif jaqta’ ftit mill-ħajja ta’ kuljum.
Min jaf kemm nafu persuni li bdew xi blogg biex jgħidu tagħhom jew għandhom xi folder mistur fil-laptop tagħhom mimli stejjer qosra fittizji, li jistħu jippubblikawhom għax “u le, mhux tajbin daqshekk,” jew “ħeqq, qatt ma ġie ċ-ċans, hux!”
Dawn iż-żewġ ħsibijiet kienu biss ftit minn dawk li fl-2013 ispiraw studenti membri tal-Għaqda tal-Malti – Università biex iwelldu l-programm Taħżiż. Programm li bl-appoġġ tal-Aġenzija Żgħażagħ iħeġġeġ il-kitba kreattiva fost iż-żgħażagħ ta’ bejn it-tmintax u t-tletin sena.
Ġimgħat ilu żort it-tnedija tal-pubblikazzjoni tar-raba’ edizzjoni ta’ Taħżiż. Nistqarr li dħalt fit-Teatru Orpheum nistenna li f’idi jtuni ktieb oħxon bi stejjer jew poeżiji qosra li kitbu l-ħames parteċipanti. Tistgħu timmaġinaw kemm kont sorpriża meta wieħed mill-koordinaturi tani kaxxa kannella f’idi u qalli li dawn huma l-istejjer tal-parteċipanti. F’din il-kaxxa sibt kartolini żgħar li konna nibagħtu lill-ġenituri jew lil sħabna waqt li nkunu fuq xi btala, iżda minflok ittra, kien hemm storja. “Ridna li l-qarrej ikun liberu jaqra l-istejjer f’liema ordni jrid,” qaluli bi tbissima.
Fil-fatt, wieħed minn dawn il-parteċipanti huwa Michael Carol Bartolo, żagħżugħ b’kilba għall-kitba u l-istejjer li grazzi għall-programm Taħżiż, aħna nistgħu nesperjenzaw il-pinna tiegħu.
Qabel xejn, ħudni lura għal dak il-mument fejn intbaħt li għandek imħabba speċjali għall-kitba u għar-rakkonti.
Il-kitba hija ħajti. Twieldet miegħi u tmut miegħi. Meta bdejt l-iskola kont anzjuż ħafna biex nibda nikteb dawk l-għaxar sentenzi li mbagħad minnhom fassalt komponiment. Kont nogħxa naħseb u nara kif ser nikteb. Niftakar fid-Denfil kien hemm storja jisimha “Jiena Siġra”. L-istorja hija dwar siġra f’nofs il-misraħ, fejn hija stess tirrakkonta il-weġgħat li tgħaddi minnhom wara li tisfa’ vittma ta’ vandaliżmu. Domt naħseb fuqha. Għedt min jaf kieku jien flok din is-siġra kif inħossni? Inħossni komdu? Inħossni liberu? Kif nista’ niddefendi lili nnifsi milli nisfa vittma tas-soċjetà?
F’qalbi ħassejt li dak kien il-motto ta’ ħajti. Niddefendi il-vulnerabbli u dan il-motto ispirani biex għall-ewwel darba nikteb ir-riflessjonijiet tiegħi fuq dan is-suġġett. Meta għadda ż-żmien irrealizzajt li m’iniex l-ewwel wieħed fir-razza. Kelli dixxendenti foshom l-eks President ta’ Malta Dr. Anton Buttiġieġ li huwa wkoll kien iħobb jikteb.
Meta sirt naf, għamilt iktar kuraġġ u bdejt nikteb iktar. Fl-2005 ktibt l-ewwel poeżija tiegħi ddedikata lil San Ġorġ Preca, u bdejt nikteb dramm għal żmien il-Milied, li ttella’ għall-ewwel darba fl-2010. Minn dakinhar ’l hawn ma waqaftx nikteb. Ġieli nkun qed nagħmel xi ħaġa u jiġuni ħafna ideat. Darba minnhom anke waqt li kont qed nistenna xi siegħa fit-traffiku ħarbixt erba’ versi f’moħħi dwar it-traffiku.
Kif smajt l-ewwel darba b’Taħżiż? X’ħajrek tissieħeb magħhom?
Fl-2012 xtaqt insib kors biex nirfina l-kitba u darba ċċekkjajt l-emails tal-Università u nsib messaġġ mingħand l-Għaqda tal-Malti, li kienu se jorganizzaw kors jismu Taħżiż dwar il-kitba kreattiva.
U applikajt. Illum Taħżiż huwa parti minn ħajti. Beħsiebni nibqa’ nipparteċipa għaliex dejjem inħoss li tgħallimt xi ħaġa ġdida. Taħżiż jgħallmek kif int għandek tikteb mill-mument li tkun ispirat u tibqa’ tikteb sakemm fl-aħħar taqra xogħlok lill-pubbliku. Jolqot il-gosti ta’ kulħadd għax ma jiffukax biss fuq il-poeżija u l-proża. Ktibna anke sentenzi għal fuq Twitter, lirika għal kanzunetta stil rap, djajri, artikli għall-ġurnali, u aktar. Jidħol f’dettall u jiffoka fuq l-istruttura li l-kittieb irid jagħti lill-kitba tiegħu, il-ħoss, il-preċiżjoni, il-forma. Garanzija li ladarba tibdieh, ma tkun tridu jispiċċa qatt.
Naturalment issa l-pinna tiegħek qed narawha fuq dawn il-kartolini. Għidli ftit dwar l-istorja li inti ktibt. X’nebbħek? Kif intlaqgħet mill-koordinaturi u l-parteċipanti l-oħra?
Fil-pubblikazzjoni ta’ din s-sena għall-ewwel darba ktibt djarju. Li huwa differenti mir-riflessjonijiet li kont nikteb qabel għax dan id-djarju huwa proprju kif għaddejt il-ġurnata tal-Ħadd. Ktibt ukoll storja li tittratta każ ta’ pedofelija fejn tifla tisfa abbużata minn missierha. Kont għadni qatt ma ttrattajt dan is-suġġett fil-kitba tiegħi.
Din is-sena kont ispirat ħafna mill-kilba biex nesperimenta b’kitba innovattiva li mhux soltu nikteb. Matul is-sessjonijiet esperimentajt ukoll b’kitba ta’ lirika għall- muzika rap.
Fil-kitba qatt ma tista’ tkun perfett, dejjem hemm fejn tirranġa. Min jgħid li għandu kitba perfetta ifisser li laqas biss jaf xi tfisser li tkun perfett għax l-ebda kitba mhi perfetta. Waqt il-proċess tal-kitba kelli kritika kostruttiva ħafna kemm mil-koordinaturi kif ukoll mill-parteċipanti. Dak kien importanti ħafna li wassal biex il-prodott finali laqgħuh b’mod pożittiv.
X’ħassejt l-ewwel darba li żammejt il-prodott lest f’idejk?
Friefet u kurżità biex nara kif ser jintlaqa’ mill-pubbliku. Għalija l-mod ta’ kif jintlaqa’ mill-pubbliku jfisser ħafna. Ma tistax tikteb jekk ma tħossx il-polz tal-udjenza li ser ikollha f’idejha l-prodott tiegħek.
Il-frott ta’ Taħżiż4 juri b’mod ċar kemm l-industrija tal-qari/l-istampar inbidlet. Donnu llum il-ġurnata, il-qarrej għandu iktar poter mill-awtur dwar kif għandu jaqra jew jinterpreta storja. Taħseb li dan ikollu effett negattiv jew pożittiv fuq il-qari kif nafuh aħna?
Onestament le ma nħossx li jħalli effett negattiv. Anzi narah jagħti aktar spinta lill-livell ta’ kwalità tal-prodott.
Kif jgħid il-Malti: ‘L-ewwel li tiekol l-għajn’. Dak li jikteb il-kittieb u l-apparenza tal-prodott huwa suġġett għat-test tal-qarrej. Dawn iż-żewġ elementi huma l-fulkru ta’ Taħżiż.
Taħżiż jesperimenta b’diversi modi ta’ kif jiġi ppreżentat il-prodott. Il-publikazzjonijiet ta’ Taħżiż ivarjaw minn sena għall-oħra. L-ewwel publikazzjoni kienet ktieb, imbagħad kellna notebook u gazzetta u issa kartolina. Taħżiż jipprova jolqot il-gosti ta’ kulħadd, jilgħab ħafna bil-kreattività u llum il-ġurnata qed jagħti dimensjoni ġdida lill-mod ta’ kif wieħed iħares lejn il-kitba. Fl-istess waqt qed jerġa’ jagħti ħafna ħajja lil-lingwa Maltija, il-lingwa tal-kuluri.
Żgur li ltqajt ma’ għexieren ta’ żgħażagħ li qalu li jiżvugaw billi jħażżu ħsibijiethom jew xi storja fittizja fuq karta u jaqsmuha ma’ ħaddieħor. X’taħseb li qed iwassal biex iż-żgħażagħ li qabel kienu jqarrsu wiċċhom meta jaraw ktieb, issa qed isibu refuġju fil-kitba?
Jien wieħed minnhom. Hemm żewġ okkażjonijiet li jwasslu biex wieħed jibda jikteb.
- Il-kitba li tkun ġo fihom minn dejjem (u allura jaqraw u ma jaqrawx żgur li ha jħarbxu xi ħaġa) u
- L-esperjenzi li jiltaqgħu magħhom matul il-ħajja. Ħafna drabi l-esperjenzi tal-ħajja huma l-ispirazzjoni biex wieħed jibda jikteb.
Il-kitba tagħti wens lil ħafna nies. Il-kitba hija l-aqwa ħabib li jista’ jkollok speċjalment meta ma ssibx ma’ min tiftaħ qalbek.
Fl-aħħar nett, kif jista’ żagħżugħ, b’xi djajru kollu stejjer oriġinali, jasal biex bħal dan iż-żmien sena jkun fil-pożizzjoni tiegħek?
Faċli ħafna. Japplikaw għal Taħżiż5. Taħżiż5 qed jistenna lil dawk kollha li sena oħra jixtiequ jkunu bħali b’xi djarju oriġinali f’idejhom u min jaf forsi jkunu bħali hawnhekk jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom. Ser issibu koordinaturi tal-ġenn. Paċenzjużi u li bħalkom għandhom ħafna passjoni għall-kitba. Litteralment iqumu jiktbu, jorqdu jiktbu u ma teħodiex bi kbira jekk fil-ħolm ikunu jiktbu wkoll!