Illum Simon Busuttil ħabbar li ser ikun qed jibgħat għand l-Awditur Ġenerali kuntratt li nnegozzja fuqu mal-Gvern, il-Viċi Kap tiegħu stess Mario de Marco.
Il-Partit Labrista wieġeb: “ikun aħjar jekk Simon Busuttil jgħid ezatt meta sar jaf bl-involviment tal-Viċi Kap tiegħu f’dan il-kuntratt . Simon Busuttil għandu jwieġeb ukoll għala m’aġġixiex mill-ewwel meta sar jaf fuq dan il-kuntratt”.
Fi stqarrija, il-PL qal: “Il-Partit Nazzjonalista jitkellem mod fil-pubbliku u jagħmel mod ieħor minn taħt. Bl-istess mod kif Toni Bezzina irtira l-applikazzjoni ta’ villa bil-pool f’art ODZ , biss wara li nkixef mill-mezzi tax-xandir.
Bl-istess mod ukoll kif jippriedkaw fuq governanza min-naħa mbagħad jagħżlu li jinjoraw rapport tal-Inkjesta minn tlett Imħallfin li sar wara rapporti li ħarġu fuq gażżetta indipendenti b’kollaborazzjoni ma’ ġurnalist internazzjonali. F’dan ir-rapport, jingħad li l-investigazzjoni twaqqfet effetivament meta tfaċċa l-isem ta’ Beppe Fenech Adami; “Madankollu, meta fit-13 ta’ Jannar 2013 tfaċċa l-isem ta’ Dr Beppe Fenech Adami, l-investigazzjoni saret ‘a very hot potato’ li forsi setgħet iġġib konsegwenzi xejn pjaċevoli fuq min ikollu l-kuraġġ li jaqbadha u jipprova jqaxxarha.
Il-qawl jgħid ‘la ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha’. Imma persuna integra ma timxix ma’ dan il-proverbju. Ir-responsabbiltajiet tal-kariga jridu jiġarru dejjem u f’kull waqt, inkluż f’dawk l-okkażjonijiet skabrużi meta l-interess personal jista’ jissuġġerixxi triq oħra’. Għal kontra ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni , l-inkjesta innifisha tissuġerixxi biex tkompli issir investigazzjoni fuq dan il-każ mill-Awtortiajiet”.
Il-Partit Laburista temm jgħid: “Simon Busuttil tilef kull kredibilità”.